{"category": "Religion, Bible", "year": "2020", "url": "https://malti.global.bible/bible/2cd26dfc051b0283-01/REV.22", "bookref": "REV.22", "text": ["Imbagħad l-anġlu wrieni x-xmara tal-ilma tal-Ħajja, ċara daqs il-kristall, tgelgel mit-tron ta' Alla u tal-Ħaruf.", "F'nofs il-pjazza tal-Belt, fuq naħa u oħra tax-xmara, hemm siġra tal-Ħajja tagħmel frott ta' tnax-il xorta, trodd il-frott tagħha darba fix-xahar; il-weraq tas-siġra huma duwa tajba għall-ġnus.", "Ebda saħta ma jkun hemm iżjed.", "Fiha jkollha t-tron ta' Alla u tal-Ħaruf, u l-qaddejja tiegħu jaqduh, jaraw wiċċu, u jkollhom ismu fuq ġbinhom.", "Lejl ma jkunx hemm iżjed, u ma jkunux jeħtieġu dawl ta' musbieħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem ta' dejjem.", "Il-miġja ta' Kristu", "Imbagħad qalli: \"Dawn il-kelmiet huma minnhom u ta' min joqgħod fuqhom: il-Mulej stess, Alla tal-ispirti tal-profeti, bagħat l-anġlu tiegħu biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu bil-ħwejjeġ li għandhom jiġru dalwaqt.", "Arani ġej minnufih.", "Hieni min iħares il-kelmiet tal-profezija ta' dan il-ktieb.\"", "Kont jiena stess, Ġwanni, li smajt u rajt dawn il-ħwejjeġ kollha.", "U, wara li smajthom u rajthom, inżilt quddiem l-anġlu li wrihomli biex nagħtih qima f'riġlejh, imma qalli: \"Hekk le!", "Jiena qaddej bħalek u bħal ħutek il-profeti, u bħal dawk li jħarsu l-kelmiet ta' dan il-ktieb.", "Il-qima lil Alla agħtiha.\"", "Qalli: \"Il-kelmiet tal-profezija ta' dan il-ktieb tagħlaqhomx b'siġill, għax qorob iż-żmien.", "Min jagħmel il-ħażen, erħilu jagħmel iżjed; u min hu maħmuġ, ħallih jitħammeġ iżjed.", "Min jagħmel is-sewwa, ħa jżid jagħmel is-sewwa; u min hu qaddis jalla jkompli jitqaddes.", "\"Ara, jiena ġej dalwaqt, u miegħi nġib il-ħlas ħalli rrodd lil kull wieħed skont ma ħaqqu għal għemilu.", "Jiena l-Alfa u l-Omega, l-Ewwel u l-Aħħar, il-Bidu u t-Tmiem!", "\"Hienja dawk li jaħslu lbieshom, sabiex ikollhom is-setgħa fuq is-siġra tal-Ħajja u jidħlu fil-Belt mill-bibien.", "Jibqgħu barra l-klieb u s-saħħarin, iż-żienja u l-qattiela, l-idolatri u dawk kollha li jħobbu l-qerq u jagħmluh!\"", "Għeluq", "\"Jien, Ġesù, bgħatt l-anġlu tiegħi ħalli jixhdilkom dawn il-ħwejjeġ dwar il-knejjes .", "Jiena r-Rimja tal-familja ta' David, il-Kewkba tiddi ta' filgħodu.\"", "L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: \"Ejja!\"", "Min jisma', ħa jgħid: \"Ejja!\"", "U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b'xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.", "Jiena nwissi lil kull min jisma' l-kelmiet tal-profezija ta' dan il-ktieb: jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla jixħet fuqu l-kastigi msemmijin f'dan il-ktieb; u jekk xi ħadd ineħħi xi kliem milli hawn fil-ktieb ta' din il-profezija, Alla jneħħilu s-sehem li jmissu mis-siġra tal-Ħajja u mill-Belt il-qaddisa msemmijin f'dan il-ktieb.", "Min qiegħed jagħti xhieda ta' dawn il-ħwejjeġ jgħid: \"Iva, jien dalwaqt ġej!\"", "Hekk ikun.", "Ejja, Mulej Ġesù!", "Il-grazzja ta' Sidna Ġesù tkun ma' kulħadd!", "Ammen."]}