{"url": "https://immanuelmifsud.wordpress.com/2021/08/26/trudi-u-s-sinjuri/", "date": "2021-08-26 00:00:00", "category": "blog, personal, literature, current affairs", "text": ["Trudi kienet tifla mqarba ħafna.", "Forsi mqarba mhijiex il-kelma preċiża.", "Trudi kienet tifla fuq tagħha.", "Fil-lingwaġġ ta' tfuliti konna naslu nsejħulha tomboj.", "Ma nafx dat-terminu għadux aċċettat mill-kodiċi tas-seklu 21, imma dak iż-żmien hekk kont nismagħhom jgħidu fuq Trudi.", "Ritratt: unsplash.com Jien kelli ġibda lejha.", "Spiss, wara l-logħob fit-toroq u l-Wied, konna nispiċċaw fuq wieħed minn dawk il-bankijiet ħodor skuri, ħomor nar u għarqanin xraba, jien għajjien mejjet u Trudi ttaqtaq u tgħid, ġeneralment kontra dak u l-ieħor u li lil dak li għajjarni missni tajtu daqqa ta' ponn jew daqqa ta' sieq \"fejn ma jarax xemx\" (ma nafx dil-espressjoni għadhiex tintuża lanqas) jew fil-\"gearbox\" (metafora gustuża tas-snin sebgħin).", "Darba, fuq xi bank jew fuq iċ-ċinta tal-balavostri li kien hemm fil-pjazza li m'għadhiex hemm, jew fil-wesgħa ta' quddiem is-sorijiet qabel poġġew il-monument tal-Lorry, Trudi qaltli li n-nazzjonalisti partit tas-sinjuri.", "Naħseb li kien l-ewwel silloġiżmu li qatt smajt:", "Il-PN tas-Sinjuri / Aħna m'aħniex Sinjuri/ Mela aħna m'aħniex mal-PN", "L-MLP tal-Foqra/ Aħna foqra/ Mela aħna mal-MLP", "Wara ħafna snin kont iltqajt magħha fuq il-kampus.", "Qaltli li la telgħu n-Nazzjonalisti Malta se ssir tas-sinjuri.", "Niftakar ngħidilha, \"Il-qaddisin, Trud, għadek thewden fuq hekk?\"", "Smajt li Trudi kienet iżżewġet u marret toqgħod Wied il-Għajn.", "(Aħna qatt ma konna nużaw 'Marsaskala').", "Forsi m'għadhiex toqgħod hemm.", "Forsi għadha.", "Jekk naraha nistaqsiha fuq il-foqra u s-sinjuri.", "Għax ministru tal-partit tal-ħaddiema jinsab serjament inkwetat fuq is-sinjuri Maltin li m'għandhomx fejn iżommu l- leisure boats (terminu skwiżit ieħor tas-seklu 21 dan) tagħhom.", "Inkwetat bis-serjetà għax din hija problema soċjali serja ħafna.", "Kelli l-impressjoni li s-soċjaliżmu kien jinkwieta fuq kwistjonijiet soċjali kemxejn differenti mid-diffikultajiet tas-sidien ta' dgħajjes li jiswew mijiet ta' eluf ta' ewro.", "Imma jista' jkun li għadni noħlom bi Trudi u s-silloġiżmi tagħha; għadni ma rrealizzajtx li Trudi u jien qbiżna l-ħamsin illum il-ġurnata.", "Donnu li ntesa għal kollox li minbarra s-sidien tal-leisure boats hemm ukoll dawk li l-baħar trabbew igawduh mod ieħor, li għażlu (bid-dritt kollu) li jgawduh mod ieħor.", "Fuq kollox hemm dawk li m'għandhomx il-mezzi li jgawdu l-baħar mil-leisure boat.", "Imma l-gvern tal-ħaddiema ftit li xejn għadu jiftakar fihom lil dawn it-talin.", "Ma nafx Trudi fejn kienet tmur tgħum f'żgħożitha għax kont tlift kull kont tagħha.", "Bħali seta' kellha għażla: jew Birżebbuġa jew Wied il-Għajn.", "Birżebbuġa, fil-Bajja s-Sabiħa, ħdejn il-piċċ tal-waterpolo, jew maċ-ċinta ħdejn ir-ramla, konna nħarsu 'l barra u naraw il-blu tal-baħar u tas-sema.", "Imbagħad bdejna naraw il-blu tad-dinożawri tal-freeport minflok.", "Jekk alla jrid, jew aħjar jekk il-ministru jrid, f'Wied il-Għajn, fejn konna ngħumu u naqsmu l-bajja u lura, se nkunu qegħdin naraw il-leisure boats jitmewġu mal-kurrent taħt il-marina, nittamaw li nsibu bank fejn insorġu biex nieklu ċ-chips bi prezz id-doppju ta' qabel.", "Imbagħad, meta tasal l-elezzjoni, nivvutaw bil-kuntentizza kollha li l-gvern tagħna solva l-problema tas-sinjuri li għandhom leisure boat u b'hekk skansa xi gwerra tal-klassi.", "Dan kollu minbarra l-impatt ambjentali e normi li dawn il-leisure boats qed iħallu fil-baħar tagħna u l-Mediterran kollu kemm hu.", "L-ewwel qtajna fjura u bnejna kamra, imbagħad qtajna s-siġar biex bnejna triq, u issa se nkissru l-blat u nimluh konkos ħalli npaxxu lis-sinjuri.", "Trudi, forsi qiegħda taqra dil-bloggata, ara ftit tikkuntattjanix għax ma nafx x'sar minnek.", "Nittama li tinsab tajba, kuntenta u fuq kollox f'saħħtek.", "Iktibli, int fejn int: fil-ġnien, fil-parapett, imqar fuq il-leisure boat jekk xtrajt xi waħda."]} {"url": "https://immanuelmifsud.wordpress.com/2021/08/28/sturdament/", "date": "2021-08-28 00:00:00", "category": "blog, personal, literature, current affairs", "text": ["Waħda mill-akbar preokkupazzjonijiet tal-ħassieba l-antiki kienet it-taqbida bejn il-verità u l-gidba.", "Eluf ta' snin ilu kienu diġà jeżistu l-giddibin; kien diġà jinħass li dak li tara mhux bilfors huwa dak li hu; kien hemm min jissuspetta li dak li hu jinsab moħbi taħt dak li jidher.", "L-imħuħ il-kbar, dawk li x'aktarx li kieku kienu jgħixu llum ma kinux jiktbu fil-kummentarji taħt l-artikli tal-ġurnali online, riedu jitkixxfu u possibilment jikxfu l-verità (kif xtaq jagħmel Platun) jew il-veritajiet (kif aktarx xtaqu jagħmlu l-iStojċi).", "Dawk li jħaddnu xi tip ta' reliġjon jemmnu li din tagħtihom il-verità.", "Ma naħsibx li vers sitta ta' kapitlu erbatax fl-evanġelu ta' Ġwanni jgħodd biss għal Ġesù Kristu.", "Ħafna profeti oħrajn ħasbu l-istess ħaġa dwarhom infushom; ħafna reliġjonijiet wasslu l-istess messaġġ lill-fidili tagħhom.", "Għall-fidili l-verità qiegħda hemm anki jekk ma tinftihemx: appuntu la darba ma tinftihemx hija l-verità li trid titwemmen minkejja kollox.", "L-investigazzjoni għall-verità hija dejjem immotivata minn suspett li dak li huwa evidenti jista' jkun falz.", "Julian Baggini, fil-ktejjeb tiegħu A Short History of Truth: Consolation for the Post-Truth World , 2017, jargumenta li l-akbar weġgħa fir-ras tal-bniedem kontemporanju mhijiex il-verità daqskemm il-kif din il-verità tiġi stabbilita.", "Huwa donnu jsegwi l-ħsieb li l-era tagħna hija ferm aktar kumplessa minn żminijiet oħrajn u dan jgħodd ukoll għall-kunċett tal-verità.", "Pereżempju, huwa possibbli li qabel il-verità kienet tingħadda minn ġenerazzjoni għal oħra bħala xi fenomenu immutabbli u għaldaqstant sempliċi.", "Baggini joffri erba' raġunijiet possibbli għala l-verità fi żmienna m'għadhiex kunċett hekk sempliċi.", "L-ewwel, għaliex ix-xjenza wrietna li ħafna ħwejjeġ li kienu jittieħdu b'benfatt attwalment kienu foloz.", "It-tieni, la darba d-dinja ċkienet daqstant, kulturi differenti jistgħu issa jiġu kkomparati b'mod eħfef u huwa possibbli li kultura tagħraf li dak li kienet tqis bħala l-verità kien biss preġudizzju.", "Id-demokratizzazzjoni tas-soċjetajiet hija t-tielet raġuni għala l-verità saret kumplessa: issa sirna akar midħla ta' x'jiġri fil-kurituri tal-poter u kemm dawk li jħufu hemm jafu jimmanipulaw lil dawk t'hemm barra.", "Biex fl-aħħar, marbuta ma' dan, hemm il-fatt li sirna nafu aktar il-mekkaniżmi mentali li bihom nimmanipulaw il-verità.", "(M'iniex se nidħol fil-mertu jekk l-era tagħna hijiex verament daqshekk differenti minn oħrajn qabilha.", "Jien wieħed minn dawk li jemmnu li mhemm xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx u li l-istorja tirrepeti ruħha għar-raġuni sempliċi li, kuntrajru għal Fukuyama, l-istorja mhux biss ma spiċċatx imma hija proċess kontinwu li m'għandux tmiem.", "Il-punt jibqa' li, kif forsi hija tendenza naturali, inħarsu lejn dak kollu li huwa tagħna bħala uniku, ġdid u oriġinali anki jekk ma jkunx.)", "Minn diversi ħwejjeġ li jseħħu madwarna nistgħu nifhmu li l-manipulazzjoni tal-verità hija arma, taqta' u bil-ponta, li tintuża bi skopijiet differenti, fosthom biex tferi u toqtol.", "Kuljum nisimgħu bil-każijiet ta' gideb u manipulazzjoni: fuq l-internet irġiel jgħidu li huma nisa, xjuħ li huma żgħażagħ, Afrikani li Ewropej, kriminali li huma msejkna, saħanistra ħajjin li huma mejtin u, iva, kif jindika Patrick Stokes f' Digital Souls , mejtin li huma ħajjin.", "L-internet li kixef kollox huwa l-istess fenomenu li jostor; l-internet li jinforma fuq kollox huwa l-istess mezz li jaħbi u li juri ħaġa b'oħra.", "Jekk l-antiki li rrifjutaw li jagħrfu verità waħda u assoluta tifixklu liema verità se jagħżlu, illum ninsabu f'kuntest fejn ninfixlu liema gidba se nwarrbu.", "Inħares u nara tant ħwejjeġ madwari u l-istess kejl li nista' nuża biex niddistingwi bejn il-veru u l-mhux qiegħed ifixkilni b'mod li ma nistax nagħmel id-distinzjoni.", "Jew, ma nista' nafda ebda sors għax kull sors jista' jkun biss kopja tas-sors veru.", "Qisni wieħed mill-karattri fil-kummiedja ta' Pirandello (dak il-brikkun li poġġa l-verità fl-istess sjuna mal-gidba) Hekk Hu (Jekk Hekk Jidhirlek) nipprova niddeċiedi min hi s-sinjura tal-velu l-iswed u nibqa' ma nafx liema għandha tkun id-deċiżjoni tiegħi.", "Din hija l-era tal-iscam: l-era tal-qerq li mhux biss jippoża bħala l-veru imma jwasslek biex titlef il-fiduċja fil-veru.", "L-era li tħallik stordut għax tibda ddur u tagħqad biex tara x'inhu xiex.", "Minflok noħorġu mill-għar u nitgħammxu bid-dawl tax-xemx sakemm għajnejna joqogħdu, qegħdin nispiċċaw b'għajnejna mtaqqlin u bi żlieġa kbira li ma tħalliniex nagħrfu x'inhu u x'mhuwiex dak li hu.", "L-effett ta' dan, nasal ngħid inevitabilment, huwa l-isturdament.", "L-għan ta' dan huwa l-isturdament.", "Dan id-diskors dwar il-verità u l-gidba għadda mingħalija wara rapporti li dehru fuq xi mezzi tax-xandir li xi id moħbija, jew orkestra sħiħa ta' idejn, iffalsifikaw il-paġni diġitali ta' Manuel Delia u anki tas-sit ta' Newsbook.com .", "Xi ħadd qed jagħmel paġni spoof ta' dawn is-siti: paġni li jidhru awtentiċi meta fir-realtà mhumiex.", "F'dan il-punt bilfors li jqumu l-mistoqsijiet: 1) x'inhu l-għan ta' dan il-qerq?; 2) min se jiġi affettwat b'dan il-qerq?; u ovvjament, 3) min hu responsabbli għal dan l-aġir?", "Minbarra l-fatt li huwa tant faċli li toħloq dawn il-paġni (pereżempju billi tuża generators bħal din ) huwa tant faċli li dawn l-ispoofs jinxterdu u jitqassmu u jitniżżlu u l-isturdament jikber u jaggrava bħal imxija li diffiċli ssib tarfha.", "F'dawn il-każi partikolari l-għan huwa ovvju: hemm bżonn jinsaddu l-ħluq u tinsatar il-verità mhux billi titgħatta imma billi tinħoloq gidba minflokha.", "Din hija ċ-ċensura l-ġdida.", "It-tieni: min se jiġi affettwat?", "Prattikament kulħadd: ibda minn min spiċċa b'leħnu mmanipulat u kompli min spiċċa b'moħħu mgħawweġ minħabba li tqarraq b'dak li qara.", "Huwa proprju għalhekk li t-tiswir ta' aħbarijiet foloz huwa arma b'saħħitha ħafna għaliex anki jekk (it-tielet mistoqsija) il-giddieb jaf ikollu għomru qasir, il-gidba għomorha huwa twil u twil ħafna.", "F'dan l-istadju, dawk kollha li jqisu l-libertà tal-espressjoni bħala l-pedament ta' soċjetà demokratika ma jistgħux ma jinkwetawx b'dawn il-każi u b'oħrajn li għad jitfaċċaw.", "Il-libertà tal-espressjoni ma tistax tikkunsidra l-eżistenza ta' verità waħda u assoluta, xejn minn dan, anzi għandha tkun sforz biex joħorġu l-veritajiet kollha li jeżistu.", "Attakki bħal dawn huma attakki fuq il-libertà, kemm ta' min irid jitħaddet u kemm ta' min irid jisma' ħalli jixtarr.", "Meta, xi snin ilu, kont fit-toroq ma' oħrajn biex nappella lill-amministrazzjoni ta' dak iż-żmien, biex tneħħi ċ-ċensura u tiffaċilita l-libertà tal-espressjoni, kelli f'moħħi li nattakka kull forma ta' ċensura.", "Appuntu għalhekk, qed nagħmel dan il-kumment, għax kull forma ta' ċensura hija arma perikoluża, arma antidemokratika u fl-aħħar mill-aħħar antiumana."]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/il-messaggi-li-ried-jibghat-joseph-muscat/", "date": "2021-08-23 14:14:51", "category": "blog, politics, government", "text": ["Fit-tieni parti tal-intervista mxandra l-bieraħ li Joseph Muscat għamel mat- Times of Malta , Keith Schembri ssemma' kemm il-darba.", "Din l-intervista ma kienitx biss dwar il-fatt li Keith Schembri kien iċ- chief of staff tiegħu, li dan kien inkixef bħala s-sid ta' kumpannija fil-Panama li għal ġo fiha kellhom igħaddu flejjes mħallsin minn Yorgen Fenech, li seta' kien dak li għadda informazzjoni kunfidenzjali dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, li ġie mixli b'tixħim, korruzzjoni u ħasil ta' flus maħmuġin u l-bqija.", "Keith u jien forsi konna qtajna ftit mill-kuntatt minn ma' xulxin.", "Meta smajt dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tiegħu, erġajt għamilt kuntatt miegħu għax ridt nara kif inhu.", "Dwar kif inhu u mhuwiex … Meta l-aħħar li kellimtu?", "Il-ġimgħa l-oħra.", "Kont qtajt il-kuntatt miegħu għax ħassejt li tradiek?", "Kont qtajt il-kuntatt miegħu.", "Ma tridx tgħidli … Kont qtajt il-kuntatt miegħu u naħseb li s-sitwazzjoni li għaddej minnha hija dik is-sitwazzjoni.", "M'għandix informazzjoni dwar l-istat attwali ta' saħħet Keith Schembri.", "Naf biss li m'huwiex jattendi l-qorti minħabba raġunijiet ta' mard.", "Madankollu, hi u tvara mill-ġdid in-negozju tagħha, martu jidher li hi friska bħal ħassa.", "Għaldaqstant ma nistax inkun ċert dwar dak li qed iseħħ.", "Fuq kliem Joseph Muscat, wieħed ċertament ma jistax joqgħod.", "Iżda minn dak li stqarr l-eks prim ministru dwar sieħbu, jidher li Joseph Muscat kien jeħtieġlu jerġa' jibni pont ta' komunikazzjoni ma' Keith Schembri.", "Joseph Muscat stqarr li lil Keith Schembri kien kellmu \"l-ġimgħa li għaddiet\" minkejja l-fatt li jista' jidher ikrah jekk ma jibqax iżomm il-bogħod minnu.", "Kien hemm min ikkritika l-fatt li tat- Times of Malt a għażlu li jagħtu lill-iskreditat Joseph Muscat din l-attenzjoni kollha.", "Ma naqbel xejn ma' din il-kritika.", "Ġurnal serju m'għandu qatt jitlef opportunità li jagħmel intervista lil bniedem skreditat għaliex hu fl-interess pubbliku li nkunu nafu x'ikun għaddej minn moħħu.", "Ġurnalist tal-affari tiegħu m'hux ser jitlef opportunità li jintervista, ngħidu aħna, lil Bashar al-Assad, Omar al-Bashir, Ratko Mladic, Alieu Kosiah, Donald Trump, Jair Bolsonaro jew Felicien Kabuga.", "Meta wieħed jiġi biex jieħu deċiżjoni dwar għandhiex issir intervista jew le, m'hemmx differenza bejn dawk li huma meqjusa bħala persuni skreditati u dawk li m'humiex.", "Min jaċċetta li jiġi intervistat jagħmel dan għax ikun jaqbillu li jiġi intervista u din m'hix raġuni biżżejjed li għandha twassal biex l-intervista ma ssirx.", "Nifhem li tat- Times of Malta ilhom għal żmien twil jitolbu li ssir intervista lil Joseph Muscat.", "U kien proprju issa li aċċetta għaliex ried iwassal messaġġ lil min ma jridx jibqa' jagħtih widen.", "Ta' min jinnota li Muscat m'għadx għandu aċċess għall-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista.", "Fil-bulettin tal-aħbarijiet tagħhom, tal-One TV lanqas biss semmew l-intervista li Joseph Muscat ta lil tat- Times of Malta.", "Għalihom din l-intervista ma saritx u huwa ċar li dawn interpretaw l-intenzjonijiet ta' Joseph Muscat bil-mod li nterpretahom kważi kulħadd.", "Permezz tal-ewwel parti tal-intervista, Joseph Muscat ried li jibgħat messaġġ lil Robert Abela.", "U t-tieni parti jidher li saret għal widnejn Keith Schembri.", "Keith Schembri wasal fl-aħħar?", "Din il-mistoqsija mhux qed nagħmilha biex nagħti x'nifhem li fil-fatt wasal biex imut.", "Iżda huwa appuntu dan li taw x'jifhmu kliem Joseph Muscat.", "Qabel saħħet Keith Schembri marret għall-agħar, Joseph Muscat ma ħasibhiex darbtejn li jaqta' kull rabta minn miegħu.", "X'aktarx ikkalkula li, għalkemm ma baqgħux ħbieb, kien għad għandhom interessi komuni x'iħarsu.", "U li kien jeħtieġ li jkomplu jgħattu lil xulxin u għaldaqstant kien jeħtieġ li jerġgħu jibdew jitkellmu biex jaraw kif l-aħjar iħarsu l-interessi tagħhom.", "Iżda min ikun wasal f'xifer il-mewt ser jibqa' jirraġuna bl-istess mod?", "Min ikun ġie mixli f'qorti bi twettiq ta' reati kriminali u min ikun ġie kundannat mill-qorti tal-opinjoni pubblika ser jibqa' jissielet mar-realtà?", "Jew ser jasal biex jaċċettaha u jintebah li mhux ser ikollu l-opportunità li jgħid tiegħu quddiem il-qorti, li jiġġustifika l-għemil tiegħu ma' uliedu u li jiżgura li dawk li huma kompliċi ma jitħallewx iwaħħlu kollox fuqu?", "X'kienet ir-raġuni vera li Joseph Muscat reġà beda' jkellem lil Keith Schembri?", "Reġa' kellmu biex jurih li għadu lejali lejh?", "Jew inkella għaliex qed jibża' li sieħbu ma jridx li jkun magħruf fl-istorja bħala l-persuna li kien responsabbli waħdu għar-reati kriminali li kien wettaq ħaddieħor?", "Milli jidher Joseph Muscat ried li Keith Schembri jaqra' dak li huwa stqarr il-bieraħ fl-intervista.", "Kien bħallikieku ried iwassallu l-messaġġ li hu baqa' sal-lum jiddefendih bħalma kien jagħmel dari meta kien għadu f'Kastilja.", "Bħallikieku wkoll ried iserraħlu rasu li ser jibqa' jaqbeż għalih u jagħtih il-kenn biex b'hekk uliedu jemmnu li missierhom ma kienx ħalliel iżda vittma tal-mibgħeda tal-avversarji politiċi.", "Lil Keith Schembri, Joseph Muscat bħal donnu ried igħidlu li mhux ser ikun hemm il-ħtieġa ta' qrara meta jkun wasal f'xifer il-mewt u li m'għandux għalfejn jagħmel paċi mal-kuxjenza.", "Għaliex, anki wara li jħalli din id-dinja, hu ser jibqa' jiddefendih.", "Jaf sewwa li l-altruwiżmu ta' Muscat għandu l-limiti.", "Kif inhi wkoll limitata l-lejaltà tiegħu meta jsib ruħu b'dahru mal-ħajt.", "Keith Schembri jaf sewwa li Joseph Muscat jasal biex jarmik sakemm jintebah li jkun jaqbillu li jerġa' jiġbrok u jsir ħabib tiegħek mill-ġdid.", "M'għandniex xi ngħidu, l-Imħallfin tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kellhom raġun biex ibiegħu.", "Kienu l-imminar tal-istituzzjonijiet u l-mod kif ġiet eżerċitata s-setgħa li wasslu għall-ħmieġ inkallat li ġie mgħarraq fih il-pajjiż u għall-kultura ta' impunità li nħolqot grazzi għall-għemil ta' numru ta' ġwejjef u l-kompliċi tagħhom.", "Dak li seħħ f'pajjiżna seħħ ukoll għaliex id-destin tagħna ntrabat mad-destin ta' allat foloz li l-ewwel priorità tagħhom kienet buthom.", "Dan id-diżastru seħħ għaliex ir-riedni kien f'idejn Joseph Muscat.", "L-istorja vera ta' Joseph Muscat għad trid tinkiteb.", "Min jaf Keith Schembri għadx jitħajjar jiktibha hu sakemm għadu mimli bil-għomor?"]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/joe-brincat-jerga-jaghmilha/", "date": "2021-08-24 16:51:55", "category": "blog, politics, government", "text": ["Joe Brincat qed jerġa' jaħli ħinu fuq spedizzjoni bla sens.", "Irreġistra protest ġudizzjarju llum jitlob lill-Avukat tal-Istat biex jibda inkjesta dwar il-kondotta tal-inkejsta ta' Daphne Caruana Galizia.", "L-ittra tiegħu fiha ammont eċċessiv ta' termini legali biex taparsi tagħtiha kredibbiltà u importanza.", "M'għandniex xi ngħidu, hija ittra bla sens.", "L-inkejsta mhix proċess ġudizzjarju anki jekk immexxi minn imħallfin.", "Huwa ħela ta' żmien li jipprova japplika prinċipji tal-proċedura tal-qrati.", "L-inkjesta hija proċess amministrattiv, m'għandha intenzjoni tiddetermina ħtija jew innoċenza ta' ħadd u għalhekk m'għandhiex bżonn it-tip ta' salvagwardji li huma neċessarji f'qorti.", "Dan jinkludi kwalunkwe \"dikjarazzjonijiet\" oħrajn li l-membri tal-bord tal-inkjesta jafu għamlu jew m'għamlux band'oħra.", "L-iktar oġġezzjoni stupida f'serje ta' oġġezzjonijiet stupidi kienet li r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta marru oltre t-termini ta' riferenza tal-inkjesta għax it-termini ta' riferenza ma stednux lill-inkesta tagħmel rakkomandazzjonijiet.", "Imma minn fejn iġib dawn il-ħmerijiet Joe Brincat?", "La rakkomandazzjonijiet ma jorbtux – u ma jorbtux – ħadd m'għandu bżonn l-ebda strument legali speċifiku biex jagħmilhom.", "Jien nista' nagħmel rakkomandazzjonijiet lill-gvern.", "Alla jaf li nagħmilhom il-ħin kollu.", "Il-gvern, ovvjament, għandu kull dritt jinjorani.", "Alla jaf li hekk jagħmel il-ħin kollu.", "Hi ftit aktar diffiċli tinjora l-bord tal-inkejsta ta' Daphne Caruana Galizia u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom għax għandhom is-saħħa tal-evidenza li semgħu u kkompilaw fl-inkjesta u l-loġika tagħhom ma tistax tmeriha.", "Il-gvern xorta liberu jinjora r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta, u sa fejn nistgħu naraw, eżatt hekk biħsiebu jagħmel.", "Imma għandu bżonn ħbieb bħal Joe Brincat biex jiskreditaw l-inkjesta f'ismu, biex inawwar il-forza morali tal-inkjesta u r-rakkomandazzjonijiet tagħha.", "Joe Brincat qatt ma ddejjaq ikun żbaljat, anki żbaljat bil-kbir.", "Hu għamel intervent fil-kawża li għamilt kontra l-gvern talli ma ħalliex lili (u ħafna oħra) milli nkomplu l-protest tagħna ħdejn il-Mafkar tal-Assedju l-Kbir.", "Qal li l-protest tagħna neħħielu d-dritt li juri s-sogħba tiegħu għal qarib li kien jaf u jħobb, preżumibbilment qarib li kien jaf u jħobb li miet fl-Assedju l-Kbir tal-1565.", "Il-qorti semgħet lil Joe Brincat bil-paċenzja kollha.", "Imbagħad injoratu.", "Għax hekk tagħmel b'rakkomandazzjonijiet stupidi.", "Il-protest ġudizzjarju ta' Joe Brincat tal-lum jixbah l-intervent li kien għamel fil-kawża tiegħi kontra l-gvern.", "Mhux l-intenzjoni li jkollu raġun.", "Mhux l-intenzjoni li tiġi kkunsidrata b'serjetà minn min għandu xi poter.", "L-intenzjoni hi biex jagħti partitarji komuni tal-Partit Laburista xi ħaġa ma xiex jiggranfaw, realtà alternattiva li jistgħu jemmnu, meta l-fatti juruhom li għandhom żball.", "Hu l-ekwivalenti anzjan ta' Edward Zammit Lewis li akkuża lil Simon Busuttil li ken \"theddida għas-saltna tad-dritt f'pajjiżna\".", "Gvernijiet tiranniċi għandhom bżonn buffi wkoll."]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/attenti-ghal-manuel-delias-foloz/", "date": "2021-08-26 20:43:33", "category": "blog, politics, government", "text": ["Għadni qed nogħmodha u nipprova naħdem fuqha mal-pulizija, avukati u l-awtoritajiet kompetenti għalhekk din mhix kummentarju fuq is-suġġett.", "Nipprova nagħmel dak kif inkun nista' nerġa nibda naħdem.", "Imma xi ħadd, xi mkien, qed jibgħat emails li jidhru qishom bgħatthom jien u qed jibni websites foloz li jidhru qishom miktubin minni.", "Dawn l-emails u l-websites foloz iżidu mal-konfoffi fabbrikati minn Yorgen Fenech.", "Konfoffa addizzjonali li toħroġ minn dawn l-emails u websites foloz hi li jien marid mentalment, li kultant nieħu xi mediċini, li jien marid u m'iniex f'sikkti.", "Mhux bilfors li min bagħat dawn l-emails foloz jew bena din il-website falza jippretendi li kulħadd se jemmen li huma awtentiċi.", "Imma dak li hu għaddej – li juruni bħala buffu kultant – hija \"evidenza\" fabbrikata li fil-futur se ssib postha fil-midja soċjali biex tagħti \"prova\" li jien miġnun.", "Hemm ħafna stampi foloz fuq il-midja soċjali ta' affarijiet li taparsi qalet Daphne Caruana Galizia dwar dak li trid jiġri lil xi tfal.", "Taqgħux għalihom dawn l-istampi foloz.", "U taqgħux għal affarijiet simili fabbrikati biex jiskreditaw lili.", "Din hija parti minn kampanja akbar.", "Yorgen Fenech din il-ġimgħa akkużani fil-qorti li għamilt pressjoni fuq imħallef biex iżommu l-ħabs.", "L-istampa wkoll kitbet dwar dan mingħajr ma kkumentaw li Yorgen Fenech kien qed jitkellem dwar storja li l-Imħallef Giovanni Grixti xtara dgħajsa mingħand George Fenech li kollha kemm huma rrapurtaw bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin li ktibt jien.", "Ħadd mhu qed jistaqsi għaliex Yorgen Fenech għamel protest ġudizzjarju kontrija u mhux kontrihom.", "Ritratt ta' wiċċi spiċċa fuq l-ewwel paġna ta' ġazzetta u fuq il-midja soċjali bdiet litanija ta' kummenti minn nies li qed jgħidu li ħaqqni nitgħallem lezzjoni.", "Iva, Yorgen Fenech speċjalista biex jgħallem lezzjonijiet lill-ġurnalisti.", "Dawn l-aħħar jiem irċejevt ħafna aktar messaġġi anonimi fuq il-mobile mis-soltu fejn qed jippruvaw jibbuljawni u jiskoraġġuni.", "Illum, Simon Mercieca \"staqsa\" jekk naqlax €30,000 mingħand Repubblika (le), u jekk Repubblika tikrix l-uffiċċji tagħha mingħandi marti (lanqas).", "It-tweġiba mhix importanti.", "L-importanti hu li l-mistoqsijiet jinqraw fuq il-midja soċjali u l-kontenut falz jiġi maħsub li hu veru.", "Jien dan biss nista' ngħid.", "Jekk taqra xi ħaġa attribwita lili li ma tidhirx qisha miktuba minni, iċċekkja u erġa' ċċekkja jekk verament ktibthiex jien.", "Jekk qrajt aktar minn żewġ artikli tiegħi taf li, jekk m'jien xejn iżjed, jien konsistenti.", "Tħallihomx jingannawk b'indirizz familjari tal-email, jew bid-dehra familjari tal-website.", "Jekk meta taqraha ma tinżillekx li ktibtha jien, kważi ċertament ma ktibthiex jien.", "Imma jkolli nistqarr.", "B'din il-mossa, dawn it-talin iridu jakkwistaw ħafna affarijiet, fosthom li jaħluli l-ħin nagħmel rapporti lill-pulizija u ilmenti ma' regolaturi tal-internet minflok nikteb l-istejjer u l-kummentarju tiegħi hawnhekk.", "U kif tista' tara, qed jirnexxilhom."]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/ittra-niftakar-miniex-se-ninsa/", "date": "2021-08-29 19:24:28", "category": "blog, politics, government", "text": ["Dawn l-aħħar ġranet imqanqlin irċevejt ħafna messaġġi ta' ħbiberija u sapport mingħand qraba u ħbieb.", "Irċevejt ukoll ftit messaġġi ta' sapport mingħand nies li ma nafx min huma, li qegħdin 'l bogħod, imma li xtaqu jkunu viċini tiegħi.", "Dan il-messaġġ wieħed minnhom.", "B'sens ta' gratitudni, qed nippublikah hawnhekk maqlub għall-Malti mill-Ingliż.", "Għażiż Manuel, Ili naqra xogħlok minn mindu bdejt tikteb fuq Truth Be Told, u nappoġġa l-isforzi tiegħek fl-attività tiegħek favur il-verità u l-ġustizzja – minkejja li mill-bogħod – bħala Malti-Kanadiż (li kont ngħix Malta) u li issa ngħix il-Kanada.", "Ir-raġunijiet il-għala naqra l-blog tiegħek huma ħafna.", "Imma f'kelma waħda, is-16 ta' Ottubru 2017 bidel kollox.", "Tajjeb ninformak li jien is-soltu qarrej 'kwiet'.", "Però, kif kien qal il-kbir Martin Luther King, 'Ħajjitna tibda tintemm il-jum li naqgħu siekta dwar affarijiet importanti'.", "Għalkemm mhux dejjem inħoss li għandi l-mezzi, il-pjattaforma jew il-ħila li nagħmilha jien, li ngħidu l-verità lil min għandu l-poter – u li nappoġġaw lil min għidha din il-verità – hija importanti għalija.", "Għaldaqstant, il-ġrajjiet ta' dawn l-aħħar ftit ġranet, ġegħluni naqbad il-pinna tiegħi, u niktiblek direttament.", "Waqt li nista' biss nimmaġina l-isfidi li qed tiffaċċja bħalissa qalb dan l-attakk li jidher immirat u bla preċedent fuq il-vuċi, l-identità u l-kredibbiltà tiegħek, wisq nibża' li din il-kampanja sistematika ta' intimidazzjoni se jkollha effett negattiv fuq il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-espressjoni u d-demokrazija f'Malta.", "Kultant tispiċċa tiddispra.", "Jien prodott tat-tmeninijiet.", "U, minkejja d-distanza, kunfidenti li nista' nagħraf dak li qed jiġri fil-gżira bħalissa, u li ilu jiġri għal xi żmien.", "Kultant insib ruħi nhewden kif nista' ngħin (aktar minn interess, edukazzjoni, informazzjoni, donazzjoni), u f'dawn iċ-ċirkostanzi partikolari, inħoss il-bżonn li ngħidlek li: Jien solidali miegħek, u l-vuċi tiegħek għandha valur.", "Nirringrazzjak għall-qlubija u l-forza morali tiegħek li tkompli tissielet għall-verità, u li taqsamha magħna.", "Midjunin miegħek għad-determinazzjoni tiegħek li tiftaħ mezz għall-ġustizzja għal Malta, u għall-eroj tagħha – dawk li waqgħu, dawk li ma jibzgħux, in-nies 'il-komuni' kollha – li jkomplu jsemmgħu leħinhom għall-imħabba ta' pajjiżhom.", "Nitolbok toqgħod attent ħafna.", "Jalla ssib l-għajnuniet u r-riżorsi meħtieġa, u ma taqtax qalbek u tkompli dan ix-xogħol importantissmu tiegħek.", "Kuraġġ."]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/maghqudin-flimkien-nghelbu-l-biza/", "date": "2021-08-30 11:32:27", "category": "blog, politics, government", "text": ["Nixtieq nirringrazzja mill-qalb lil kull min f'dawn l-aħħar ġranet bgħatli messaġġi ta' appoġġ u ta' solidarjetà.", "Kont taħt pressjoni kbira u kont appik wasalt biex inċedi l-armi.", "L-intimidazzjoni taf tkissrek.", "Ma nistax ma nroddx ħajr ukoll lill-ġurnalisti sħabi u lill-mexxejja ta' diversi mezzi tax-xandir li offrewli l-għajnuna kollha tagħhom u ma qagħdux jistennaw sakemm ikun imiss lilhom li jkunu fil-mira ta' dawn il-kriminali.", "Xi drabi tisma' lil min igħid li ma tgħallimna xejn mill-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.", "Diskors bħal dan jista' igħodd għall-gvern.", "Iżda ċertament ma jgħoddx għall-biċċa 'l kbira tal-ġurnalisti Maltin li tgħallmu lezzjoni importanti: li ebda wieħed minnhom m'għandu jitħalla jissielet waħdu.", "Bis-saħħa ta' dan, iħossni ħafna aktar b'kunfidenti.", "Inħoss aktar enerġija biex inkompli niġġieled.", "Mhux biex nimponi l-fehmiet tiegħi fuq ħaddieħor iżda biex niddefendi d-dritt ta' kulħadd li jkunu infurmati biex b'hekk ikunu f'pożizzjoni aħjar li, bħala ċittadini, jieħdu deċiżjonijiet li jkunu demokratiċi u nfurmati.", "M'għandniex xi ngħidu, kelli ta' bilfors naħseb għas-sigurtà kemm tiegħi kif ukoll tal-familja tiegħi.", "Iżda hemm ukoll kunsiderazzjoni oħra li hi aktar importanti: dak li qed iseħħ hu ta' theddidha għal dak li fadal mid-demokrazija tagħna.", "Ma jista' qatt ikollna elezzjonijiet ġusti u ħielsa kemm il-darba l-elettorat ma jingħatax l-għodda biex jiddistingwi l-qerq minn dak li hu mis-sewwa u dan minħabba s-sabutaġġi, l-gideb jew pressjoni enormi eżerċitata bis-saħħa tar-riżorsi kbar li għandha l-mafja.", "Xogħol il-mafja jidher ċar mill- websites u e-mails foloz.", "U din il-mafja hi l-interess kriminali ta' bniedem li jinsab mixli li qatel ġurnalista u li lest jagħmel kollox biex jevita ikla ħabs għal għomru.", "Iżda kif bħal meta ta' sikwit ammetta huwa stess, Yorgen Fenech ukoll jista' jiġi użat.", "Il-motivazzjonijiet tiegħu u l-ġid kbir u x-xibka ta' kuntatti li għandu qed jintużaw minn mafja fuq skala akbar li qed tinqeda' bih biex tkun tista' tasal fejn trid tasal.", "Il-mafja li ħakmet lill-Istat tagħna ma tridx iċċedih.", "Ma tridx iċċedi l-aċċess li għandha għall-istituzzjonijiet tal-pajjiż li qed jaqduha.", "Ma tridx iċċedi d- direct orders li qed tgawdi, l- positions of trust influwenti li għandha, l-opportunitajiet li tkompli tħaxxen butha u l-influwenza li għandha maċ-ċentri tas-setgħa.", "Għaldaqstant is-sħubija bejn politiċi u kriminali liebsin l-ilbies ta' negozjanti qed iġġedded lilha nnifisha u l-attakk fuq l-istampa ħielsa, fuq l-Oppożizzjoni Parlamentari u fuq il-familja ta' Daphne Caruana Galizia hi biss stadju ieħor tal-gwerra bejn il-mafja u l-forzi tas-sewwa f'pajjiżna.", "Waqt li qed iseħħ dan kollu, Robert Abela waqa' fil-muta appuntu għaliex qed igawdi mis-sitwazzjoni bħalma kien gawda Joseph Muscat qablu.", "Din il-kampanja hi orkestrata minn Kastilja wkoll.", "Nammetti li jiġuni mumenti li fihom inkun wasalt biex inċedi, l-aktar minħabba l-biża' li jistgħu iweġġgħuli lill-familja.", "Dawk li jagħżlu li jibqgħu għall-kwiet f'darhom minflok jinżlu fil-pjazez biex jiddefendu d-drittijiet demokratiċi tagħna, la jiskantawni u lanqas jirrabjawni.", "Magħqudin flimkien nistgħu nuru s-saħħa tagħna u nkunu nistgħu nesprimu solidarjetà u niġġieldu għal drittijietna billi nattendu għall-protesta li ser issir fil-31 ta' Awwissu fil-Belt Valletta fis-18:30.", "Il-biża' taf taħkem lil kulħadd.", "Iżda magħqudin flimkien, din il-biża' għandna l-ħila li ngħelbuha."]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/30/il-protesta-ta-ghada-hija-biss-skuza-biex-jintwera-support-favur-gurnalisti-li-kienu-wara-l-klikka-li-hadmet-biex-twaqqa-lil-adrian-delia/", "date": "2021-08-30 10:07:01", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Qed nippubblika korrispondenza fi grupp privat fejn tikkonferma li l-protesta ta' għada hija biss skuża minn grupp ta' nies favur blogger u ġurnalisti li kienu ta' għajnuna lil klikka fil-PN li ħadmet u ppubblikat gideb biex twaqqa' lil Adrian Delia minn kap tal-oppożizzjoni.", "F'dan iċ-chat Karen Zerafa Boffa esponenta tal-moviment Occupy Justice qed tgħid il-vera raġuni għall-protesta ta' għada, biex jinżlu n-nies fit-toroq biex jonqos id-distakk bejn iż-żewġ partiti.", "Waqt li naqbel mal-protesti fit-toroq, dawn in-nies iridu jkunu onesti għalfejn ser jagħmluhom u mhux jinħbew wara theddid lill-ġurnalisti li ma jeżistix.", "Anzi jekk hemm min qed jagħmel \"harassment\" illum, dan ġej mill-ġurnalisti nfushom u jużaw stejjer fittizji li b'kumbinazzjoni jiġu ppubblikati fl-istess żmien li kien ħiereġ is-survey ta' The Times of Malta.", "Infakkar li fil-bidu fix-xahar ta' Awwissu ma ħareġ l-ebda survey.", "B'din l-affermazzjoni, Karen Zerafa Boffa ta' Occupy Justice qed tikkonferma li Occupy Justice hija f'kolluzzjoni diretta mal-klikka li hemm fil-PN u li ħadmet biex twaqqa' lil Adrian Delia.", "Infatti din iċ-chat hija meħuda mill-grupp privat tan-nies ta' Bernard Grech u l-blue heros.", "Issa wieħed jista' jkollu idea aħjar wara l-intenzjoni ta' dawn il-fake news jew spoofs.", "Infakkar li dan il-group Occupy Justice jiftaħru li huma ma għandhom l-ebda rbit politiku ma' ħadd."]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/30/ftit-tal-minuti-ilu-ntlabt-biex-nidhol-membru-ta-grupp-li-twaqqaf-fl-amerika-msemmi-minn-manuel-delia/", "date": "2021-08-30 18:53:38", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Illum tellajt storja fejn għidt li jiena m'inhix membru ta' grupp WhatsApp Amerikan imsemmi minn Manuel Delia f'artiklu li ta lil Lovin Malta.", "Għidt ukoll li ma għandix x'naqsam miegħu, għaliex kif ġew ippubblikati l-affarijiet ingħata x'jifhem li jiena wara dan il-group.", "Wara li ppubblikajt din l-istorja, ftit tal-minuti ilu, madwar is-sitta u nofs, xi ħadd daħħalni f'dan il-grupp.", "Dan iċ-chat jew messaġġ ma ftaħtux u m'inix ħa niftħu.", "Qed intella' kopja tal-iscreenshot li bgħatt liċ-cybercrime.", "Qed nippubblika dan biex kulħadd ikun jaf l-aġenda li hemm wara dawn il-manuvri kollha li qed isiru u kulħadd jifhem min hemm warajhom."]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/30/il-fabbrikanti-tal-fake-news-huma-persuni-minn-tar-repubblika-stess/", "date": "2021-08-30 21:42:08", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Qed inġib post li tella' persuna minn Għawdex, li hu wieħed mis-segwaċi ta' Repubblika u huwa anti-Adrian Delia.", "Kif qaluli jiġi mid-deputat Nazzjonalista li ħallina.", "Wieħed irid iżid, imma li dan id-deputat kien sostenur ta' Adrian Delia.", "Dan is-sostenitur ta' Repubblika, issa qaluli li jaħdem mal-Misco, qal li jien ikkonkludejt li jekk xi ħadd ma jkunx iħobb irabbi l-ħut id-dar, huwa gay!", "Dawn huma n-nies li jiffabbrikaw il-fake news u bil-wiċċ tost kollu jridu l-protezzjoni tal-pulizija!"]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/31/tonna-lowell-akkuza-lill-avukat-generali-li-qed-jivvinta-akkuzi-fkaz-relatat-ma-yorgen-fenech/", "date": "2021-08-31 06:27:09", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Għal darba oħra, il-bieraħ, kellna l-ftuħ tal-qorti b'urġenza biex tressaq Yorgen Fenech.", "Tafu għala din l-urġenza kollha?", "Għax dan Yorgen Fenech, ħafna snin ilu, allegatament għamel reat finanzjarju ta' inqas minn 5000 euro.", "Il-pulizija ħadet aktar minn sentejn biex tinvestiga dan ir-reat, għaliex kif qal l-istess Yorgen Fenech fil-qorti, Ilu issa sentejn il-ħabs u ma jaħdimx!", "Mela dan hu bniedem miżmum il-ħabs, imma l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika xorta ħass li kellu jiftaħ il-qorti b'urġenza.", "U l-poplu jħallas għall-kapriċi tal-avukat ġenerali!", "Hawn mhux qed nikkritika lill-pulizija talli qed tipproċedi kontra Fenech.", "Hawn qed nikkritika l-fatt li l-qorti infetħet b'urġenza fuq reat frivolu, meta tqies l-ammont ta' flus involut.", "Fuq kollox, u din hija l-isbaħ waħda tal-pulizija, l-ispettur prosekutur ma ridtx juri l-provi li għandu u li fuqhom qed jakkuża lil Yorgen Fenech.", "Fejn huma l-ministri tal-intern u l-ġustizzja?", "Fejn huma l-kelliema tal-oppożizzjoni?", "Dan abbuż ċar mis-sistema penali ta' pajjiżna.", "Biss l-istorja ma waqfitx hawn.", "Ġew akkużati żewġ persuni oħra imma mhux ċar kif dawn huma relatati – jekk huma – ma' dan il-każ ta' Yorgen Fenech.", "Dawn huma Nicholas Cachia u missieru Joseph Cachia.", "Dawn qed ikunu akkużati fuq ħasil ta' flus.", "Dawn inżamm il-ħabs.", "Imbagħad tressqu wkoll il-qorti, iċ-Chief Operations Officer u direttur tal-kumpanija Glimmer Ltd.", "Dan hu relatat mal-każ ta' Yorgen Fenech, għaliex Anthony Farrugia u Patrick Demanuele issemmgħu fil-kawża kontra Yorgen Fenech.", "Demanuele huwa ċ-Chief Operations Officer ta' Glimmer Ltd, filwaqt li Farrugia huwa eks-direttur tal-istess kumpanija.", "It-tnejn li huma ċaħdu l-akkużi imma xorta nżammu arrestati.", "Ikun f'dan il-mument, li l-avukat difensur ta' Farrugia u Demanuele, jiġifieri l-avukat Stephen Tonna Lowell jagħmel akkuża serja lill-avukat ġenerali.", "Infakkar li Stephen Tonna Lowell kien hu stess deputat avukat ġenerali, qabel ma fetaħ għar-rasu bħala avukat.", "Hawn ser nikkwota mill-gazzetta Illum ħalli ħadd ma jgħid li din hija fake news: \"l-Avukat Stephen Tonna Lowell, akkuża lill-Avukat Ġenerali li qed jivvinta l-akkużi u insista li se jkun qed juri lill-Qorti kif dawn l-akkużi huma kollha vvintati.", "Meta sfida lill-Prosekuzzjoni biex tgħid x'evidenza għandha f'idha, l-Ispettur insista li dan mhux se jsir f'dan l-istadju.\"", "Mela persuni jinżammu l-ħabs waqt li l-ispettur jirrifjuta li jagħti l-evidenza!", "Għalija dan huwa abbuż serju.", "Kif qal tajjeb wieħed mill-avukati, fil-kawża ta' Cachia (missier u iben), il-qorti ġabet ruħha differenti ma' Adrian Hillman.", "Ara lil dak tagħtu l-liberta proviżorja.", "Ħeqq mhux ovvju.", "X'tistenna aħjar mill-qrati tagħna!", "Biss ma rridx ninstema negattiv għal kollox.", "Għall-inqas wara l-kritika li qed nagħmel f'dan is-sit, għall-ewwel darba l-akkużati saru jafu li huma ser jintressqu il-qorti mingħand il-pulizija u mhux mill-gazzetti, kif kien qed jiġri fil-każijiet relatati ma' Yorgen Fenech!"]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/31/manuel-delia-jorganizza-demostrazzjoni-ta-solidarjeta-mieghu-nnifsu/", "date": "2021-08-31 06:34:28", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Blog post minn osservatur politiku Bħalissa għandna attakk fuq l-informazzjoni li ħierġa minn djar tal-aħbarijiet u minn blogs.", "Saru attakki fuq il-Prim Ministru, fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni, fuq Newsbook, fuq NET News, fuq TVM, fuq il-portals ta' Lovin Malta u ta' Strada Irjali, fuq il-blogs ta' Manuel Delia u ta' Simon Mercieca.", "Minn dawn il-mezzi tal-aħbarijiet ħierġa miżinformazzjoni fuq suġġetti diversi li qed ipoġġu lil dawn is-siti ta' aħbarijet f'imbarazzament għaliex tant qed jiġu kkuppjati tajjeb li min jaqra qed jaħsibhom li huma oriġinali u veritiera.", "Imma qabel nagħtu l-importanza neċessarja lil dawn l-attakki li għaddejjin, wieħed irid jara min, minn dawn id-diversi ġurnalisti tad-diversi siti li qed jissemmew, mhumiex iwettqu xogħolhom b'lealta' lejn il-verita tal-fatti.", "U għalhekk wieħed irid jistaqsi, għal min se jagħmlu l-protesta s-Soċjeta Ċivili?", "Għal xi ġurnalist li ħsiebu biex idawwar il-kliem u jaqla' minn żniedu?", "Għal xi wieħed minn dawk li jaqbad ma' kelma waħda minn silta sħiħa u jara kif jagħmel plejtu fuqha?", "Fuq kollox wieħed minn dawk li qed jorġanizza din id-demostrazzjoni huwa Manuel Delia nnifsu, il-persuna li qal li hu vittma ta' dawn l-ispoofs.", "Jiġiifieri dan qed jorganizza demostrazzjoni għalih innifsu?", "Dan il-ġurnalisti tal-ħabba gozz żgur li ma jixirqilux l-ebda kelma ta' difiża imma kundanna għall-kitbitu.", "Is-Soċjeta Ċivili fir-reklam tagħhom qed jgħidu li ma jistgħux jibqgħu siekta dwar l-attakk fuq il-ġurnaliżmu ħieles.", "Nistaqsi, min qed iwaqqaf lil Repubblika, Occupy Justice u Manwel Delia milli jitkellmu?", "Ħadd ma hu qed iżommhom, bħalma ħadd għadu ma żammhom s'issa.", "Jitkellmu kemm iridu imma għalija mhux li titkellem jgħodd imma li tieħu azzjoni.", "Il-Prim Ministru għadu kif qal li anke hu ġie attakkat u nxterdet informazzjoni fażulla li taparsi ħierġa minn għandu.", "Mill-ewwel ħa l-azzjoni neċessarja u rraporta lis-CCU, Cyber Crime Unit, kif ukoll lill-MITA, Malta Information and Technology Agency.", "Għalkemm qed jgħidu li l-Gvern ma għamel xejn fuq din il-miżinformazzjoni u fuq il-mod ta' kif qed isiru dawn l-attakki, il-Prime Minister, Robert Abela, \" has condemned a growing disinformation campaign targeting journalists and politicians and revealed that he himself has been targeted. \"", "Il-Prim Ministru qal li dawn l-atti mhux biss huma kundanabbli imma ma għandhomx post fis-soċjeta Maltija.", "Kulħadd għandu dritt jgħid li jrid, imma biex żgur il-pulizija jkunu armati b'dak kollu li tagħtihom il-liġi, hemm bżonn urġenti li l-liġijiet Maltin jiġu aġġornati b'tali mod, li kif jinqabad min qed jagħmel dawn l-atti antidemokratiċi, il-pulizija jkunu armati tajjeb biex iwettqu ġustizzja u jagħmlu d-dixxiplina neċessarja.", "Mela bħalissa hemm bżonn li esperti fil-qasam iħarsu b'lenti lejn il-liġijiet konċernati u jimmodernizzawhom għan-neċessitajiet tal-lum.", "Dik hija t-triq 'l quddiem u wieħed jispera li din is-sezzjoni fil-korp tal-pulizija tingħata r-risorsi neċessarji u dawk li jaħdmu f'dan il-qasam, ibda mill-MITA u sezzjonijiet oħra jingħata ħlas xieraq ta' xogħolhom."]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/31/l-email-li-baghat-michael-piccinino-jittallab-ghall-flus/", "date": "2021-08-31 06:51:52", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Blog post minn osservatur politiku Il-bieraħ kien ippubblikat f'dan is-sit li tesserati tal-Partit Nazzjonalista rċevew email mingħand Michael Piccinino.", "Dan qed jitlob għajnuna finanżjarja mingħand it-tesserati.", "Hawn naqbel ma min qal li sewwa għamel li wieħed jiġbor il-ftit mingħand il-ħafna.", "Sa hawn naqbel perfettament.", "Imma ppermettuli nagħmel ftit analiżi ta' din l-email.", "Fl-email tiegħu isemmi l-qabża li għamel il-Partit Nazzjonalista skond is-survey tat-Times tal-Ħadd 29 ta' Awissu.", "Nifhem li jrid jagħmel ftit propaganda biex biegħ il-messaġġ imma naħseb li qara dan is-survey ftit ħażin.", "Għaliex?", "Michael Piccinino qalilna li jaf li l-Gvern Laburista qed jipprepara biex isejjaħ elezzjoni bikrija oħra.", "Il-Prim Ministru ġa ddeċida li jressaq il-budget fil-11 ta' Ottobru.", "Mela skont l-argument ta' Piccinino, il-Prim Ministru ser jxolji l-Parlament wara d-diskussjoni fuq il-budget mingħajr ma jiġu diskussi d-diversi estimi tal-Ministeri.", "Fil-fatt Piccinino qed jgħid li \" Hemm probabbiltà li tissejjaħ immedjatament wara l-baġit ta' Ottubru \".", "Skond Piccinino, l-Prim Ministru Robert Abela se jsejjaħ elezzjoni bikrija għax ra n-numri tat-Times jduru favur il-Partit Nazzjonalista.", "Kulħadd persważ li Prim Ministru u Kap ta' partit politiku ma joqgħodx fuq survey ta' xi gazzetta privata, imma jippreferixxi jara l-informazzjoni mogħtija lilu mill-istess partit tiegħu.", "Għalhekk messaġġi bħal dawn jitilfu l-qawwa tagħhom.", "Is-survey tat-Times, skond Piccinino, juri li l-poplu qed jibda' jħoss l-effetti tal-greylisting ta' pajjiżna.", "S'issa għadni ma qrajt imkien xi ħaġa li tindika li l-Maltin u l-Għawdxin qed iħossu dawn l-effetti.", "Qal ukoll li l-poplu qed jaffetwawh l-arroganza u l-inkompetenza tal-ministri.", "Ħafna minn dawn il-ministri ilhom hemm ħafna snin.", "Imma imbagħad qalilna li \" F'xahar wieħed biss, skont stħarriġ tat-Times of Malta, il-PN akkwista 20,000 vot, jiġifieri 5,000 vot fil-ġimgħa .\"", "Ferħan se jtir Piccinino qalilna li \" Jekk inżommu dan il-momentum, inkunu anke nistgħu nissuperaw lil-Labour sa Novembru. \"", "U skond il-kalkoli ta' Piccinino jekk il-Prim Ministru jfettillu jagħmel l-elezzjoni f'Marzu 2022, il-Partit Nazzjonalista jkollu vantaġġ ta' 90,000 vot sal-aħħar ta' Frar 2022.", "U din tgħaqqad kollox. \"", "Dan juri li t-tmexxija ta' Bernard Grech qed taħdem. \"", "Forsi rajt ħażin, imma min għamel il-kalkoli bħal ma għamel Michael Piccinino jaf li Dr Robert Abela qed jgħaddi lil Dr Bernard Grech b'110,000 vot.", "Tgħid hemm dan id-distakk għax it-tmexxija ta' Bernard Grech qed taħdem?", "Jew hemm dan id-distakk għax kemm ilu li laħaq kap, għadu ma qabadx art u d-distakk dejjem tiela?", "Id-differenza bejn il-partiti naqqset mhux grazzi għall-Partit Nazzjonalista imma għax żdiedu dawk fost il-Laburisti li qed jgħidu li mhux ser jivvutaw, imma mhux lesti li jdawru l-vot.", "Mela dan qed iseħħ indipendentament mill-Partit Nazzjonalista.", "Bernard Grech huwa kap li dejjem qal u ftaħar li ma għandux inkwiet u l-grupp parlamentari kollu jinsab warajh b'ruħu u b'ġismu.", "Is-Segretarju Ġenerali qed jiftaħar bl-investiment li għamel il-partit.", "Issa l-Partit Nazzjonalista l-uniku investiment li għamel kien fil-ħaddiema li deħlin jaħdmu miegħu.", "Ir-ritmu ta' nies jaħdmu laħaq livelli għola mill-ħaddiema li qed jidħlu jaħdmu mal-Gvern f'Għawdex!", "Semma wkoll il-bidliet fil-pożizzjonijiet tat-tmexxija li tħabbru dan l-aħħar.", "Bil-fors għax inkella hu ma jidħolx fil-kredu.", "Taf x'ma qalilniex kemm qed jinvesti fih il-partit fi flus, jiġifieri kemm qed jagħtih paga kull xahar.", "Imma l-lollipop għat-tesserati waslet ukoll għax Piccinino qed jgħid li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.", "Jien ma nieqafx nistaqsi, issa għandkom bżonn l-għajnuna tagħna?", "Fl-2017 aħna t-tesserati offrejna l-vot tagħna biex tellajna kap.", "Intom, inkluż int Dr Piccinino, smajtu dan il-vot f'għajnkom.", "Bqajtu sa meta wasaltu biex neħħejtu l-għażla tat-tesserati.", "Mela jekk intom ma stmajtuniex 4 snin ilu, kif tippretendu li nistmakom issa?", "Aħna tkellimna u ma tajtux kasna.", "Issa hemm ħafna tesserati li jħossu li huma għandhom jaqgħu fil-muta u ma jkellmukomx, la bil-kliem u lanqas bil-finanzi.", "Is-Segretarju Ġenerali għalaq l-email tiegħu b'dan il-mod: \" Ejjew inwieġbu għal din is-sejħa b'għaqda u kunfidenza. \"", "Jiddispjaċini Dr Piccinino, l-għaqda kontu intom li kissirtuha meta ma aċċettajtux id-deċiżjoni tat-tesserati.", "Kunfidenza ma għandiex fit-tmexxija preżenti.", "Ma jistax ikolli fiduċja f'nies li ħadmu biex jirredikolaw il-vot tiegħi bħala tesserat.", "Issa ftakartu fina.", "Kien ikun aħjar li kieku ftakartu fina u tajtu kasna mill-2017 'l hawn."]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/31/il-partit-nazzjonalista-huwa-aktar-maqsum-minn-qatt-qabel/", "date": "2021-08-31 07:03:21", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Blog post minn osservatur politiku X'għandu kontra tiegħu l-Partit Nazzjonalista meta se jkollu jiffaċċja elezzjoni ġenerali?", "L-aktar ħaġa li qed tkisser lil Partit Nazzjonalista hija d-diviżjoni li għadha ssaltan jekk mhux forsi refgħet rasha ħafna iżjed.", "Fi żmien Dr Adrian Delia kien hemm qasma waħda, issa hemm fazzjonijiet diversi li jagħmlu aktar diffiċli biex jgħaqqdu dan il-Partit.", "Din id-diviżżjoni li qed tirrenja bħalissa qed titfa' lura lill-Partit Nazzjonalista għaż-żmien ta' Lawrence Gonzi, meta l-gvern tiegħu dak iż-żmien kien jgħix minn vot għall-ieħor.", "Illum il-Partit Nazzjonalista qed jgħix minn survey għall-ieħor bl-istess taqtiegħ il-qalb.", "Dejjem jistenna n-numri tas-survey għax dejjem bil-biża' li jagħtuh xi diksata oħra.", "Anki jekk jidher ċar li minn qed jorganizza dawn is-surveys, jagħmel u jikteb dwarhom b'tali mod li jnaqqas il-gravita' tan-numri għal Bernard Grech.", "La kien kien feliċi għal Dr Lawrence Gonzi u lanqas hu żmien sabiħ għal Dr Bernard Grech.", "Kif jista' jippretendi dan il-partit li l-votant javdah bit-tmexxija tal-pajjiż meta għandu diffikulta kbira fit-tmexxija tal-partit tiegħu stess.", "Kif qed jippretendu d-deputati u l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li jħajru votanti ġodda jivvutawlhom meta lanqas lil xulxin ma huma kapaċi jikkonvinċu biex issir l-għaqda tant neċessarja lejlet elezzjoni ġenerali.", "Wieħed irid jifhem u jagħti każ dik l-enerġija kollha li qed tinħela biex jippruvaw iżommu darhom eżistenti u ffokata.", "Qed jintlef ħafna ħin fuq ġlied intern li suppost, lejlet elezzjoni, qed ikun dedikat biex tinbena viżjoni u program elettorali professjonali li jista' jressaq xi vot lejn l-istess Partit.", "Min għandu rasu fuq għonqha, bilfors irid jirrifletti fuq dawk it-tliet snin moħlija jattakkaw il-Kap tagħhom.", "Dak iż-żmien moħli minn deputati li jaħsbu li jafu l-aħjar, għadu jirrifletti fuq it-tmexxija illum.", "Għad hemm min hu mogħni biex jikkritika flok jiġbed il-ħabel.", "Hemm bżonn li b'xi mod, li mhux faċli, jaħdmu flimkien biex joffru program tant bżonjuż għall-pajjiż.", "Ir-raġuni mogħtija mir-ribelli f'dawk it-tliet snin kienet li kif jilħaq kap ġdid terġa' tirrenja l-għaqda.", "Saret din illum?", "Qed jiġbdu l-istess ħabel dik il-klikka valenuża?", "Qed isostnu l-kap tagħhom Dr Grech?", "Jew tilfu rashom, bħalma tilfuha kontra Delia, u reġgħu għal darba oħra qed jagħmlu rewwixta, forsi xi ftit aktar kwieta, kontra kap li tant ħadmu l-istess nies biex ipoġġuh hemm u qed naraw qasma aktar goffa minn żmien Adrian Delia?", "Huwa ċar kristallin li t-tqanżieħ ta' Bernard Grech biex jipprova jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista kienu kollu tagħżiq fl-ilma.", "Ma hemm ebda indikazzjoni li b'xi mod il-fazzjonijiet diversi li hemm fil-Partit Nazzjonalista qed jersqu lejn xulxin jew lejn l-amministrazzjoni ċentrali preżenti.", "Din turi l-arroganza u s-suppervja ta' diversi esponenti tal-Partit li ma jinteresshom xejn mil-kollettiv, imma ffokati biss fuq l-individwalita' li qed tirrenja b'mod impressjonanti bħalissa.", "Dawn huma sinjali ċari li l-Partit ma tgħallem xejn minn żminijiet oħra passati u mir-riżultati mid-diversi elezzjonijiet, huma liema huma.", "Hawn barra hawn stampa fejn qed tindika li l-Partit Nazzjonalista qatt ma kien diżintegrat bħalma hu bħalissa.", "Jidher ċar ukoll, li Bernard Grech ma rnexxielux fl-għan prinċipali tiegħu li jgħaqqad il-Partit.", "Kulħadd jiftakar dak il-ftaħir kollu li kien jindika fil-kampanja tiegħu ta' kap.", "Kien jiftaħar li hu medjatur tajjeb ħafna, b'25 sena esperjenza fil-mestjier.", "Għalkemm forsi diġa tard, ikun importanti li t-tmexxija tipprova tentattiv ta' tibdiliet anke kosmetiċi biex almenu jittranġa l-messaġġ li qed jintbagħat li kulħadd jaħdem għal rasu.", "Billi joqgħodu jaraw u jagħtu l-ponti lil min qed jixxerja l-messaġġi u l-posts tal-kap, li hija sistema nfantili, aħjar jaraw kif se jidhru flimkien u jxandru messaġġi uniti.", "L-Oppożizzjoni hija fraġli u hemm bżonn turi li qed tissaħħaħ u tirranġa.", "Jekk mhux se jagħmlu hekk, se tkun diffiċli għall-votanti li jippruvaw jagħżlu min se jmexxi l-pajjiż.", "Dawn l-eletturi se jistaqsu, lil min se navdaw biex imexxi l-ekonomija tal-pajjiż tagħna, min jista' jsaħħaħ il-ħajja soċjali tagħna u min se jiffoka fuq il-kwalita tal-ħajja?"]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/31/the-times-iggib-fix-xejn-il-kampanja-ta-gideb-lin-nies-tal-arcisqof-scicluna-kienu-qed-jaghmlu-fuqi-u-fuq-yorgen-fenech/", "date": "2021-08-31 08:12:12", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Illum erġajt issemmejt f'The Times of Malta minħabba din l-istorja tal-ispoofs.", "Nixtieq nirringrazzja lil Jessica Arena, il-ġurnalista li kitbet din l-istorja, li għamlet ix-xogħol tagħha u għal mod kif kitbet l-artiklu dwari.", "Dak li qalet fuqi f'dan l-artiklu kollu minnu.", "Issa ħiereġ li Yorgen Fenech mhux involut f'din il-biċċa xogħol.", "Dak li nista' ngħid li jien ma għandix x'naqsam ma' Yorgen Fenech.", "La Yorgen Fenech, l-avukati tiegħu jew niesu jew xi ħadd mill-kumpanija tiegħu qatt ma avviċinawni kif ġie allegat minn Fr. Joe Borg, Manuel Delia u Alessandra Dee Crespo biex jien nikteb jew inkun involut f'din il-kampanja ta' spoofs.", "Fuq kollox, jien ma għandix x'naqsam magħhom.", "Dak li nista' nżid huwa li jien ġejt mitlub biex nidħol il-bieraħ filgħaxija f'dan il-group li ġie imwaqqaf fl-Amerika u min ikkrea dan il-group bgħattli n-numru tat-telefon ta' min issuġġerixxini li jien inkun parti minnu.", "Qed ngħid dan biex inkompli nuri li jien ma għandi x'naqsam xejn mat-twaqqif ta' dan il-group kif kien insinwat (mhux minn The Times) imma minn Manuel Delia f'intervista li ta lil Lovin Malta, fejn għamel konnessjoni ta' dawn il-WhatsApp messaġes miegħi.", "Dak li jweġġek f'dan kollu li wara din il-kampanja ta' gideb fuqi hemm il-Knisja Appostolika Rumana tal-Arċisqof Charles Scicluna.", "Infakkar li l-Ħadd li għadda, Fr. Joe Borg uża anologiji biex jgħid li jiena wara qiegħed wara dan l-ispoofs.", "Permezz tal-metafora tax-xitan il-kbir, Joe Borg b'mod indirett qal li dan kollu qed iħallasni Yorgen Fenech.", "Imbagħad qal li hemm ix-xitan iż-żgħir li għandu l-pinna.", "Din kienet referenza għalija.", "Għal ġieħna dan il-giddieb imexxi l-media tal-knisja f'isem l-arċisqof Scicluna.", "L-istess għamel Jason Azzopardi, li hu qrib ħafna tal-Arċisqof Scicluna.", "Mingħajr ma semmini, dan qal li jiena hemm wara dawn l-artikli.", "Magħhom ingħaqad Monsinjur Joseph Bajada, li għal ġieħna dan huwa mħallef fuq it-tribunal tal-arċisqof u dan l-imħallef tal-Knisja Maltija għamel tiegħu dan il-gideb fuqi minn Manuel Delia.", "U miegħu ingħaqdet il-kanċilliera tal-Arċisqof Scicluna, li taħdem ma' dan Bajada u saħansitra marret miegħu rtir spirtwali f'Għawdex.", "Hawn qed nirreferi għal Alessandra Dee Crespo.", "Din kitbet messaġġ fuqi u għamlet tagħha l-kampanja ta' gideb fuqi minn Joe Borg u Manuel Delia.", "Dan l-arċisqof irid li jippreżenta ruħu bħala l-verita' jew is-sewwa meta kull ma għamel hu li dawwar il-knisja kattolika Maltija f'fabbrika ta' gideb fuq in-nies f'isem Alla u Kristu."]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/28/bernard-grech-dahhal-sistema-ta-punti-biex-jghodd-kemm-id-deputati-jaghmlu-share-u-tweet-tal-messaggi-tieghu/?amp=", "date": "2021-08-28 12:08:49", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Advertisements Dan is-sit jista' jiżvela li d-deputati tal-Partit Nazzjonalista ġew infurmati li ser tiddaħħal sistema ta' punti li fuqha ser jibdew ikunu ikklassifikati.", "Aktar ma deputat jġib punti aktar, ser ikollu rigali x'jerbaħ mingħand il-Partit Nazzjonalista.", "Jekk mhux tad-daħq, din hija tal-biki.", "Id-deputati Nazzjonalisti saru jafu b'din is-sistema wara li ftit tal-ġimgħat ilu huma ġew imħeġġa li jiktbu paragrafu ta' 150 dwar il-ħolma tagħhom għal Malta.", "Dan il-paragrafu ġie mitlub biex jitla' fuq il-website li l-Partit Nazzjonalista ser ikun iwaqqaf u ser ikun jsimha \"Iltaqa' mal-PN\" jew xi ħaġa simili.", "Id-deputati kien ingħataw sal-24 ta' Awwissu biex idaħħlu dan il-messaġġ tagħhom.", "Wara li bagħtu dawn il-ħsibijiet tagħhom, id-deputati ġew infurmati b'din is-sistema ta' punti li Bernard Grech bi ħsiebu jdaħħal.", "Fi kliem ieħor, il-Partit Nazzjonalista ser ikun qed isegwi lid-deputati tiegħu u jagħtihom punti ta' kemm il darba huma jagħmlu share, jitwittjaw etc diskorsi jew messaġġi li jkun qed jagħmel il-kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.", "Fuq kollox, id-deputati ġew mgħarrfa biex jgħidu kemm ser ikunu qed jagħmlu home visits u jagħtu lura lill-Partit Nazzjonalista feedback dwar il-home visits.", "Bir-raġun, din tal-punti tathom ġewwa lid-deputati Nazzjonalisti għax qed iħossuhom li saru qieshom tfal tal-iskola.", "Hemm min qed jgħid li din qed issir biex iġġelled lid-deputati bejniethom.", "Dan qed ikompli jkabbar it-tiżgwid kontra Bernard Grech.", "Tant li l-anqas baqgħulu deputati miegħu ħlief Ryan Callus.", "Kulħadd qed jitilqgħu lil Bernard Grech.", "Ħafna deputati issa qed jitkellmu bil-miftuħ kontra tiegħu.", "Ir-rabja li hemm kontra Bernard Grech qed toħroġ fil-beraħ.", "Il-Partit Nazzjonalista kien jorganiżża barbeque għad-deputati u l-ħaddiema tal-partit.", "Din id-darba, organizza ikla li saret fl-iSplash and Fun.", "Din is-sena, din l-ikla saret fit-tieni ġimgħa ta' Awwissu.", "Għaliha marru biss 7 deputati u xi 36 ħaddiem.", "Fuq kollox, kliem li qal wieħed mid-diretturi li daħħal Bernard Grech, kompla żied ir-rabja fost id-deputati.", "Dan ma ddejjaqx jgħid li fil-Partit Nazzjonalista kollox imnejjek hemm, ibda mid-deputati, kompli bil-ħaddiema u l-ġurnalisti fi newsroom.", "Issa anki Claudette Buttigieg waqgħet taħt l-inkwina għaliex mhix popolari daqs hemm ħaseb il-kap tal-Partit Bernard Grech.", "Id-deputati huma kelma waħda.", "Bernard Grech ma jinteressahx mill-Partit Nazzjonalista.", "Dak li jinteressah huwa li jitla' u xejn aktar."]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/28/dwar-l-attakki-fuq-gurnalisti-solidarjeta-mieghek-dr-simon-mercieca/?amp=", "date": "2021-08-28 07:27:21", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Advertisements Blog post minn osservatur politiku Li jiġi attakkat ġurnalist minħabba il-kitbiet tiegħu ma tagħmilx sens u hija xi ħaġa li għandha tkun kundannata.", "Kull min jitkellem kontra dawn il-manuvri jkun qed juri li ma jippermettiex li jsiru attakki fuq il-liberta' tal-kelma.", "Biss irrid inkun onest ma kulħadd u ma kull ġurnalist u bloġġer.", "Allura għax qatt ma saret kundanna kull meta qed jiġi mgħajjar Dr Mercieca allavolja min-nies magħrufa u li saħansitra jiktbu isimhom jew jippostjaw f'isimhom?", "Għaliex qatt ma ntweriet ebda solidarjeta?", "Mela mhux kulħadd uman!", "Bħal dak li qallu mhux kulħadd iweġġa' minn attakki fuq l-integrita tal-persuna!", "Mela barra li nuri solidarjeta ma' min ġie attakkat, nagħmel l-istess ħaġa ma' Dr Simon Mercieca li kemm-il darba ġejt attakkat u mgħajjar minħabba l-linja ta' ħsieb tiegħek.", "Il-liberta tal-kelma tippermetti li kull ġurnalist jew blogger juża moħħu u jwassal il-ħsieb tiegħu, skond kif jidhirlu hu.", "Nuri solidarjeta miegħek talli tagħti lilna spazju għall-ħsibijiet tagħna.", "Naqbel mal-Kap tal-Oppożizzjoni li jikkundanna l-kultura ta' mibegħda li titfaċċa kontra ġurnalisti jew bloggers, bħal ma nikkundanna lil kull ġurnalist jew bloġġer li juża l-ispażju tiegħu jew tagħha biex jinsulenta jew ixerred aħbar mhux veritiera jew li twassal biex tagħmel il-ħsara lill-persuna diskussa.", "Biss ikolli ngħid li ma naqbilx ma' Dr Bernard Grech, li jistieden lill-Prim Ministru li jagħmel bħalma għamel hu.", "Il-Prim Ministru jaf żgur x'inhu għaddej u jaf x'inhuma l-obbligi tiegħu.", "Jaf ukoll jiżen dak li għandu jagħmel.", "L-attakki fuq kull ġurnalist u fuq kull blogger għandhom jiġu kundannati.", "Kull ġurnalist u kull blogger, taqbel jew ma taqbelx mal-ħsieb tiegħu, jirrappreżenta r-raba' pilastru tad-demokrazija u jiġri x'jiġri lil kull ġurnalist jew blogger, kull darba għandu jkun hemm kundanna.", "It-theddid, it-tfixkil u l-intimidazzjoni ilhom għaddejjien u għaddew fuq ħafna aktar ġurnalisti u bloggers qabel.", "Mela jkun ta' ġid għal kulħadd li niddefendu lill-ġurnalisti u bloggers li kontinwament jgħaddulna l-ħsibijiet tagħhom għall-informazzjoni tagħna, il-pubbliku."]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/28/il-partit-nazzjonalista-ghadu-jbati-mit-tixwix-li-sar-min-nies-fi-hadnu-kontra-adrian-delia/?amp=", "date": "2021-08-28 07:39:02", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Advertisements Minn qarrej ta' dan il-blog Ma tistax ma taffermax il-polz ta' Adrian Delia, bħala l-persuna li dejjem kienet qalb in-nies.", "Li tifhem il-polz tan-nies.", "Li dejjem tkellmet favur il-Maltin u l-interessi tagħhom.", "Mhux biss fuq aspetti purament politici imma fuq kull aspett ieħor soċjali, bħall-mard, faqar, saħħa, il-weġgħat tan-nies bla leħen.", "Imma ukoll li minn mindu kien kap tal-partit, għaraf il-problemi li kienu u għadhom jissokktaw fuq pajjiżna, il-frażi tiegħu ta' \"l-ekonomija qed tikber bil-popolazzjoni\".", "Il-lum żgur kulħadd jifhem dan il-messagg penettranti li jagħti raġun il-messaġġ politiku li kien jwassal fil-bidu tat-tmexxija tiegħu.", "Messaġġ li qajla l-Partit Nazzjonalista għadu jwassal il-lum, mirkeb mill-ingassa tar-Repubblika, ftit deputati viċin tagħhom, u opinjonisti elitisti li ma jimpurthom xejn aktar ħlief biss il-qtil brutali fuq Daphne Caruana Galizia.", "Il-Partit Nazzjonalista jrid jisma' l-karba tan-nies, tal-ex-mexxej tiegħu Adrian Delia u jbiddel l-istrateġija tiegħu għal waħda ferm aktar wiesgħa biex il-messaġġ jasal għand kulħadd.", "Sakemm dan ma jsirx, u jidher li l-amministrazzjoni Nazzjonalista ma tridtx tisma', għax maħtufa minn interessi tal-ftit, anke jekk ġustifikati fil-proporzjon li jixraqlu, l-elettorat ma jistax jħares lejn alternattiva tal-Partit Nazzjonalista.", "Mhux biżżejjed in-nuqqas ta' fiduċja li l-elettorat Malti qed juri kontinwament fil-Partit Nazzjonalista minħabba wara li xewxu u gidbu fuq l-ex-mexxej Nazzjonalista.", "L-istrateġija hija t-triq 'il quddiem, u din għandha tkun li verament tibdew tisimgħu lin-nies kif beda jagħmel Adrian Delia."]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/28/joseph-muscat-jghid-li-dwar-il-qtil-ta-daphne-kien-hemm-tizgwid-mal-investigaturi-barranin/?amp=", "date": "2021-08-28 07:52:18", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Advertisements Blog post minn osservatur politiku F'dan il-blog nixtieq nagħti ħarsa lejn it-tieni parti tal-intervista ta' Joseph Muscat.", "Minnha ser nibda biex nislet dan li ġej.", "Joseph Muscat jgħid li b'riżultat tal-Panama Papers hu ħallas l-għola prezz politiku.", "Mar għall-elezzjoni għax ma setax jibqa' għaddej bit-tmexxija tal-pajjiż, għax kien ikkondizzjonat mis-sitwazzjoni li hu u martu kienu qed jiġu mixlija li kellhom kumpanija sigrieta li kienu qed jagħmlu l-flus minnha.", "Fakkar, li r-raġel ta' Daphne kien stqarr fil-qorti li martu qatt ma allegat li hu u martu kienu qed jirċievu flus minn Azerbaijan.", "Muscat jistaqsi x'kien jiġri kieku hu rriżenja kif ħarġet l-informazzjoni dwar Egrant, imbagħad titfaċċa l-informazzjoni, li xi ħadd iffalsifika l-firem?", "Kien jistaqsi lil eventwali Prim Ministru biex iwarrablu?", "Meta kompla tkellem fuq Egrant, Muscat stqarr li ma jafx ta' min hi din il-kumpanija.", "Li hu żgur li ma kienetx tiegħu.", "Kif il-ġurnalist semmielu diversi persuni viċin tiegħu li allegatament ċċappsu ma' affarijiet illeċti u diversi spiċċaw il-qorti, Muscat qal li hu ma hux se jiġġudika lil ħadd fuq messaġġi.", "Stqarr li kellu fiduċja f'min ippunta f'pożizzjonijiet importanti u żgur li ma hu se jsallab lil ħadd fuq messaġġ jew għax kien il-personaġġ tax-xahar fuq il-media.", "Hu kkonkluda dan il-punt li la hemm min tressaq quddiem il-ġustizzja, nistennew u naraw.", "Meta mistoqsi fuq xamma ta' korruzzjoni minn xi tranżazzjonijiet li għamel il-Gvern fi żmienu, Muscat qal li kull meta staqsa għall-informazzjoni, dejjem ġie mogħti dettalji li kienu jserħulu rasu.", "Imma jekk fhemx ħażin jew le, għad irid jiġi ġġudikat.", "Meta tkellem fuq Keith Schembri hu għamilha ċara li mhux se jkun hu li jarmi lil Schembri.", "Jammetti li hu ma jieħux deċiżjonijiet bħal dawk speċjalment meta jaf minn dak li għaddej minnu l-istess Schembri.", "Muscat xorta jsostni li Schembri ħa ħafna deċiżżjonijiet b'intenzjonijiet tajba.", "Meta mistoqsi jekk hux konvint li l-istituzzjonijiet kienu qed jaħdmu tajjeb, hu qal li kien hemm uffiċjali li naqsu u ma kienux qed jagħmlu xogħolhom kif suppost.", "Bħala eżempju qal, li Daphne inqatlet meta hu kien Prim Ministru, imma anke taħtu tressqu tliet persuni arrestati, xi ħaġa li grat għall-ewwel darba fl-istorja ta' pajjiżna.", "Tant Muscat hu konvint li qal lil-ġurnalist jistaqsi li Arnaud dwar dak li għamel hu.", "Fakkar li għat-tifel ta' Daphne, Arnaud kien eroj.", "Meta tkellem fuq il-powerstation u Konrad Mizzi, hu qal li kien ħa deċiżżjoni iebsa li jwarrab lil Konrad Mizzi minn fuq il-proġett u ma setax jagħmel mod ieħor ħlief li jżommu taħtu.", "Hu kellu fiduċja f'Konrad Mizzi għax kien jaf li hu biss seta' jara li l-proġett jitwettaq.", "Muscat jistqarr li fi żmienu ħalla l-istituzzjonijiet jaħdmu u ma ndaħlilhomx.", "Biss kellu jkun hu l-uniku Prim Ministru li rriżenja.", "Fir-rigward ta' Keith u Konrad, hu qal li kienu pedini mportanti fil-Gvern tiegħu.", "Kompla jgħid li mhux se jkun hu li jiġġudika jekk qalulux il-verita u jispera li dan il-fatt joħroġ 'l quddiem.", "Żgur mhux se jagħmel bħal ma għamlu lilu, meta kontinwament ġie ġġudikat.", "Jgħid li wara dak kollu li għadda minnu hu u martu, żgur li mhux se jgħaddi ġudizzju fuq ħadd ieħor.", "Mistoqsi dwar Keith Schembri llum, Muscat qal li għal xi żmien qata' il-kuntatt kollu miegħu, imma reġa' kkontatjah meta sar jaf bil-pożizzjoni fiżika tiegħu.", "Jekk Keith daħaqx bih jew le, kollox għad irid joħroġ.", "Li hu żgur li l-pulizija qatt ma resqu quddiemu isem Keith Schembri, bħala persuna li kienet imdaħħla fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.", "Muscat jgħid li hu ma kellux sehem fid-deċiżżjonijiet dwar l-investigazzjonijiet.", "L-uniku darba li talbu l-għajnuna tiegħu kienet meta kien hemm xi diżgwid mal-investigaturi barranin u hu qal li jekk il-barranin jitilqu, l-investigazzjoni ma tkunx sostenibbli.", "Interessanti li Joseph Muscat xtaq jibqa' Prim Ministru sa meta jissolva l-każ u wara kien jitlaq."]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/29/deputati-nazzjonalisti-qrib-jason-azzopardi-baqghu-fkuntatt-ma-yorgen-fenech-wara-li-harget-l-istorja-ta-17black/?amp=", "date": "2021-08-29 01:20:36", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Advertisements Jason Azzopardi bħalissa għaddej b'kampanja biex ikompli jattakka lil Yorgen Fenech u jpinġiha li hu ried joqtlu.", "Miegħu ngħaqad David Casa.", "Ħalli ngħiduha kif inhi, sa issa l-pulizija u l-anqas is-supretendent Keith Arnaud (li issa sirna nafu li qed jieħu ħsieb id-droga) għadhom, sa fejn naf jien, ma huma qed jinvestigaw lil Yorgen Fenech fuq attentat ta' qtil kontra Jason Azzopardi jew David Casa.", "Is-sabiħa li dan iċ-chat li għadda bejn Yorgen Fenech u uffiċjal fil-Partit Nazzjonalista fejn fih Yorgen Fenech qallu biex jibda minn Jason Azzopardi qed jittieħed mill-istess Jason Azzopardi li ried joqtlu.", "Ara hawnhekk Jason Azzopardi ma qalx li dan seta' kien spoof jew messaġġ falz.", "Jien nemmen li kien messaġġ veru imma ovvjament wieħed irid jara l-ispirtu tal-messaġġ.", "Ma nagħmlux mod li issa l-uffiċjali fil-Partit Nazzjonalista kienu qed joqtlu n-nies?", "Ara fuq dan il-punt, Bernard Grech ma ħareġ l-ebda stqarrija.", "Dak li dan is-sit jista' jiżvela li kien hemm deputat Nazzjonalista li kien jikkommunika ma' deputata fuq in-naħa l-oħra u talabha l-kuntatt ta' Yorgen Fenech.", "Dan jidher li seħħ qabel mal-media saret taf min hu s-sid ta' 17Black.", "Dan id-deputat huwa wieħed mir-ribelli li ħadem biex jitwaqqa' Adrian Delia.", "Fuq kollox, dan id-deputat partikolari Nazzjonalista kien uża deputat ieħor min-naħa l-oħra biex jgħaddi messaġġi lil Yorgen Fenech.", "Imbagħad anki talab il-kuntatt dirett ma' Yorgen Fenech waqt li talbu biex Yorgen Fenech iċempillu.", "Dawn il-kuntatti bejn ċertu deputati Nazzjonalisti ma' Yorgen Fenech baqgħu anki wara li ħarġet l-istorja ta' 17Black.", "Ara fuq dawn il-kuntatti, il-media tal-Knisja, jew The Times of Malta jew il-Malta Today, li għandhom aċċess għal dawn iċ-chats ma jgħidu xejn u ma jippubblikaw xejn.", "Tafu għaliex?", "Għax dawn id-deputati Nazzjonalisti, li baqgħu f'kuntatt ma' Yorgen Fenech wara l-istorja ta' min hu s-sid ta' 17Black ħarġet fil-pubbliku huma kollha ħbieb ta' Jason Azzopardi.", "Imbagħad dawn il-ġurnali talbu u ħadmu għat-tkeċċija ta' Adrian Delia fuq sempliċi messaġġ għax jidher li Yorgen Fenech talbu biex jiltaqgħu biex jieklu flimkien.", "L-ipokrezija ta' ċertu ġurnalisti f'dan il-pajjiż ma tafx limitu.", "Issa tifhmu għala Jason Azzopardi ħarab milli jwieġeb lill-ġurnalisti dwar ir-rigali li ħa mingħand Yorgen Fenech u għala l-Partit Nazzjonalista u Repubblika ħarġu jaqbżu għalih.", "Issa tifhmu għala Jason Azzopardi huwa daqshekk inkwetat b'dan il-websites li qed jiġu kkreati għaliex organizzazzjoni qrib tiegħu, kienu qed jagħmlu l-istess: ixerrdu fake news waqt li hu kien qed jieħu rigali galor!"]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/29/bernard-grech-fi-btala-barra-minn-xtutna-waqt-li-jghid-li-malta-qed-taqbad/?amp=", "date": "2021-08-29 07:47:49", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Advertisements Il-bieraħ t'lura, Jason Azzopardi tella' post biex jirringrazzja lil Bernard Grech ta' kemm għenu f'dan il-mument diffiċli.", "Tard il-bieraħ filgħaxija, Jason Azzopardi tella' post ieħor fuq Facebook biex jattakka lil dawk li qed ixerrdu, dejjem skont l-istess Jason Azzopardi, aħbarijiet foloz fuqu.", "Bernard Grech anki ħareġ jiddefendi lil Jason Azzopardi għaliex tella' messaġġ fuq il-Facebook page tiegħu fejn talab lill-Gvern biex jingħaqad miegħu ħalli jiġġieldu kontra dawk li qed ixerrdu dawn l-aħbarijiet.", "Persuni li kkontattjawni qaluli kif dan seta' jagħmlu meta Bernard Grech hu fuq btala twila barra minn Malta, jiġri bil-karavan?", "Veru li llum bl-internet tibqa' f'kuntatt, imma veru wkoll li fil-politika trid tkun fuq il-post, ġewwa l-uffiċju tiegħek ħa tagħti d-direzzjonijiet.", "Minflok, f'dan iż-żmien ta' tħejjija għall-elezzjoni ġenerali, Grech għażel li jmur fuq vaganza twila.", "Hemm saħansitra min qed jgħid li din il-btala hija ta' numru ta' ġimgħat.", "Jidher li ser jidħol lura l-uffiċju għada t-Tnejn.", "Allaħares għamel din il-paprata Adrian Delia u għamel xi ġimgħat jagħqad u jdur bil-karavan, għax ħoll xagħrek u ġib iż-żejt.", "Kieku Manuel Delia ġa tella' post. The Times, il-Malta Today u Newsbook, bi strateġija kkoordinata bejnithom, tawna sensiela ta' artikli, jgħidulna kemm dan hu ta' disunur u kemm dan mhux denju ta' kap tal-oppożizzjoni li joqgħod dan iż-żmien kollu barra minn Malta.", "Kieku ġa l-arċisqof Scicluna bagħat tweet biex jurina x'jaħseb u kemm dan hu ta' dannu morali għall-pajjiżna.", "Dak li hu minnu huwa, li kontra dak li kiteb Jason Azzopardi, hemm rabja kbira fost id-deputati Nazzjonalisti għaliex waqt li Bernard Grech jkun qed jieħu l-vaganzi u tgawdija, dan jippretendi li d-deputati joqgħodu jagħmlu share tal-Facebook posts li huwa jtella'.", "Illum wieħed jifhem għala dan qed jibgħat dawn il-messaġġi li qed jibgħat biex jagħti l-impressjoni li baqa' f'Malta.", "Minflok għadna kap tal-oppożizzjoni li jrid jikkonvinċi lill-poplu Malti li l-ġurnalisti jinsabu taħt theddida waqt li hu qiegħed jitbaħrad barra minn xtutna.", "Ma tantx naħseb li jemmen f'li qed jgħid għax kieku kien jibqa' Malta ħalli fiżikament jiġġieled dak li skont huwa sar theddida għall-pajjiżna.", "Minflok għażel li jagħmel bħal Neruni u qiegħed idoqq l-arpa waqt li Ruma qed taqbad!"]} {"url": "https://simonmercieca.com/2021/08/29/joseph-muscat-melvin-theuma-u-qtil-ta-daphne-caruana-galizia/?amp=", "date": "2021-08-29 08:02:39", "category": "blog, personal, politics", "text": ["Advertisements Blog post minn osservatur polltiku Meta tkellem fuq Melvin Theuma, Muscat ma riedx jispekula.", "Tidher ċara li l-persuna li ħa l-proklama minn għand Muscat bħala Prim Ministru, ma tantx qed jimpressjonah.", "Meta kien mistoqsi dwar l-attitudni u l-ħsieb li kellhom il-kriminali li b'Muscat fil-Gvern li mhux se jinqabdu, Muscat qal li bih fil-Gvern il-kriminali ġew arrestati mhux bħal ma ġara f'ta' Karen Grech u Raymond Caruana.", "Meta mistoqsi dwar Yorgen Fenech, Muscat qal li Yorgen Fenech għandu moħħ tajjeb ħafna għall-business, kien bniedem magħruf minn ħafna nies u kien interlokutur tajjeb ħafna.", "Joseph Muscat irrimarka kemm kien irrabjat li ħarġu fil-pubbliku siltiet minn laqgħat magħluqa u għalhekk skond hu jistgħu jintefgħu dubji fuq l-inkjesta meta jsir dan it-tip ta' paroli.", "F'dan ir-rigward, Muscat qal li Keith Schembri mhux dejjem attenda l-laqgħat mas-servizzi tas-sigurta u ammetta li ma jistax jgħid jekk Keith Schembri kienx qed jgħaddi nformazzjoni.", "Biss ġara x'ġara, kien hu li ħallas il-prezz politiku.", "Meta mistoqsi jekk qagħadx għamel xi ħaġa biex ifixkel ir-ritmu tal-investigazzjoni, hu qal biex ma jistaqsux lilu imma jsaqsu lil min mexxa l-inkjesta u jispjegalhom x'kien ir-rwol tiegħu.", "Mistoqsi dwar il-laqgħa li kellu ma' Keith Schembri d-dar tiegħu, lejlet li Keith Schemrbi rreżenja, huwa qal li qabel ma' Keith Schembri, meta qallu li se jirreżenja.", "Joseph Muscat qal li apparti li jħalli l-ġustizzja titwettaq, żgur li ma hux se jabbandunah, iktar u iktar meta jaf minn dak kollu li kien għaddej fiżikament.", "Muscat jindika li hu għadu mhux ċar f'moħħu, r-raġuni wara l-użu ta' 17Black u lanqas jista' jifhem eżatt dak li ġara fl-istorja tal-Montenegro.", "Mistoqsi jekk jafx kif il-maħfra presidenzjali spiċċat għand Yorgen Fenech, hu jammetti li ma jafx, għax lanqas hu ma kellu kopja tagħha.", "Meta tkellem fuq l-aħħar darba li l-pulizija bagħtu għalih, huwa qal li r-raġuni għaliex ma jafhiex.", "Kull ma jaf li urewh xi transcripts u qalulu li hu ma kienx taħt investigazzjoni, xi ħaġa li kienet ta' importanza kbira għalih.", "Qal li ma ħassux beżgħan għax ma kellux għal xix.", "Meta mistoqsi dwar l-impunita' li skond l-inkjesta rriżultat minn Kastilja u infirxet fuq diversi istituzzjonijiet u li waslet għall-kollass tas-saltna tad-dritt, Muscat qal li dak li ħareġ mill-inkjesta, hu qabel miegħu.", "Imma qed jistaqsi dwar il-fatt ta' kif inkiteb ir-rapport tal-inkjesta, jista' jkollu effetti ħżiena fuq il-kawża kriminali.", "Muscat kompla, li għalkemm mhux avukat, jispera u jittama li l-Gvern talab il-pariri meħtieġa.", "Il-biża ta' Muscat hi li jekk din l-inkjesta tittieħed quddiem il-qorti tad-drittijiet umani u din tikkonkludi li l-inkjesta ppreġudikat il-kawża kriminali, din l-inkjesta tkun saret għal xejn.", "Fakkar li l-avukat tal-iStat ma kienx involut f'din l-inkjesta u barra minn hekk, xi ħaġa importanti ħafna, jumejn qabel ħareġ ir-rapport, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien qal li l-pajjiż għandu jimplimenta r-rakkomandazzjoniet.", "Xtaq jippreċiża li t-termini ta' referenza tal-inkjesta ma kienux jinkludu rakkomandazzjonijiet.", "Mistoqsi jekk kienx hemm xi leak, Muscat irrisponda li ma għandux dubju li kien hemm.", "Meta kompla fuq l-inkjesta, Muscat qal li din l-istess inkjesta, rreduċiet ruħha għal inkjesta partiġġjana.", "Bħala eżempju Muscat ta' l-każ meta kien hemm meta tliet imħallfin li kienu instabu li ħadu xi flus, meta Said Pullicino kien membru tal-ġudikatura fl-2008.", "Eventwalment Said Pullicino kien sar Prim Mħallef.", "Muscat staqsa, jekk issa bħala Prim Imħallef, Said Pullicino kellux jerfa' r-responsabilita ta' dak li ġara jew le?", "Ta tweġiba hu stess u qal le.", "Allura għaliex jekk naqsu l-istituzzjonijiet għandu jeħel il-Prim Ministru?", "Bħala għeluq tal-intervista twila tiegħu kien mistoqsi, bħala missier u bniedem tal-familja x'messaġġ tgħaddi lill-familja Caruana Galizia?", "Muscat qal li għalkemm jaf li se jkun misinterpretat, jista' jifhem l-uġigħ tagħhom.", "Ma jistax jasal biex jifhem il-weġgħat bħalhom, għax ommu għadha ħajja.", "Kompla billi qal li jittama li bħalma hu qed jaċċetta r-rapport tal-inkjesta ta' Daphne, jittama li l-familja ta' Daphne jaċċettaw wkoll il-konklużjonijiet li kienu ħarġu mill-inkjesta Egrant.", "Lest ukoll li jagħmel apoloġija imma jittama wkoll li l-familja Caruana Galizia jiftakru li kien taħt it-tmexxija tiegħu li nqabad min għamel id-delitt.", "Muscat ikkonkluda li għalkemm inqabdu, xorta l-omm mhux se terġa tiġi lura."]}