{"url": "http://immanuelmifsud.weebly.com/", "date": "9/8/2021", "category": "blog, personal, literature, current affairs", "text": ["Ikolli ngħid li l-istazzjon tan-nazzjon huwa mera tal-istat tan-nazzjon.", "Read More Xi ftit osservazzjonijiet ħfief dwar il-konferenza rigward l-istat tan-nazzjon Read More Għal poplu li kull ħaġa li għandu wiritha mingħand ħaddieħor, l-identifikazzjoni nazzjonali taf tkun proġett diffiċli ħafna.", "Sinjal ta' din id-diffikultà huwa l-faċilità li biha dan il-poplu jaqa' f'kuntradizzjonijiet li lanqas huwa stess mhu kapaċi jkejjel u jifhem.", "Raġel jidher jiffantasizza fuq tfajla hu u jixrob kartuna ħalib roża jgħajjat.", "Mara tidher tielgħa u nieżla ma' raġel nofsu għarwien.", "Fl-istess ġurnata.", "Xi ħadd joġġezzjona.", "Xi ħadd ieħor iwieġeb.", "M'iniex se nidħol fil-mertu liema kienet l-eqlel gwerra li Malta għaddiet minnha għax m'iniex interessat li nagħmel paraguni.", "Inħobbu niċċelebraw it-tmiem tal-Assedju l-Kbir, l-aktar għax jagħtina ġurnata franka fil-bidu ta' Settembru, u forsi dakinhar stess niftakru fi tmiem it-Tieni Assedju.", "Dawn huma l-gwerer kontra Malta li qrajna dwarhom fil-kotba tal-istorja li tawna l-iskola u fil-poeżiji li kienu jgħidulna nitgħallmu bl-amment tal-poeti l-kbar.", "Kont se nagħlaq seba' snin.", "Kienet l-annus horribilis għall-familja tiegħi, speċjalment għal ommi.", "B'reazzjoni għal dak li ġara lil Mark Camilleri, iċ-chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ( mitlub jirriżenja minn Frank Fabri, is-segretarju permanenti fil-ministeru tal-Edukazzjoni ), xi wħud tellgħu messaġġi ta' kundanna.", "Tiskanta kif jgħaddi ż-żmien.", "U tiskanta kif issib ruħek tirrepeti l-klixejiet li jgħid kulħadd u saħansitra taqbel miegħek innifsek li l-klixejiet, ħafna drabi, huma veritajiet tal-ħajja ta' kuljum.", "Tassew, niskanta kif għadda ż-żmien.", "Uħud jgħidu li dawk li jinsew il-passat, xi darba jew oħra se jsibuh mill-ġdid ma' wiċċhom u jkollhom jerġgħu jgħixuh.", "Dan il-messaġġ jingħad l-aktar għall-passat politiku u dan l-aħħar qiegħed jiġi kkwotat spiss minħabba l-irxoxt, jekk qatt kien hemm il-mewt, tal-lemin f'aspetti varji tiegħu.", "Se nikteb kumment qasir, ta' dilettant xi ftit żatat li jien, dwar żewġ kanzunetti li smajt dan l-aħħar u li spiċċajt nismagħhom numru ta' drabi kuljum.", "Aktarx li widna esperta ma tasalx biex tpoġġihom flimkien, imma ħabtu f'daqqa u interessawni t-tnejn u, fuq kollox, m'għandix widinti esperta. ​"]} {"url": "http://immanuelmifsud.weebly.com/blog/l-istazzjon-tan-nazzjon", "date": "9/8/2021", "category": "blog, personal, literature, current affairs", "text": ["Ikolli ngħid li l-istazzjon tan-nazzjon huwa mera tal-istat tan-nazzjon.", "Ritratt: Rob Schreckhise ​Mhux se noqgħod infakkar l-għodwiet meta xgħelna t-televixin tal-istat (dak iż-żmien l-uniku wieħed Malti) u rajna t-tislima lil Malta Soċjalista jew smajna kanzunetti dwar il-fniek.", "Ormaj għaddew għexieren ta' snin issa u jaqbel li rraqqdu ċerti memorji għax ikun hemm min jiddejjaq u kważi bla ma jrid iħossu fid-dmir li jirritalja.", "Fil-ftit minuti - nammetti - li niflaħ nara t-televixin tal-Istat, nerġa' nduq il-faqar li donnu huwa kroniku ta' dan l-istazzjon.", "Dan il-faqar jikkonsisti, l-ewwel u qabel kollox, fil-fatt li kull darba li partit ikun fl-oppożizzjoni jakkużah li qed ikun ta' forċina għall-partit fil-gvern: fid-diskors tal-lum, TVM jispiċċa jew One 2.0 jew Net 2.0.", "Id-deċiżjonijiet l-aktar importanti jittieħdu f'xi kuritur li xi mkien se jiltaqa' ma' ieħor j ew f'Tal-Pietà jew ftit aktar 'il fuq fil-Ħamrun.", "Dejjem kienet hemm din l-akkuża.", "U dan ifakkarna li aħna ngħixu f'nazzjon li nbela' minn dawn iż-żewġ partiti li, nafu wkoll, huma l-filjozzi ta' parrini li, nafu wkoll, huma perikolużi ħafna.", "Nazzjon maħkum, stazzjon immanettjat.", "L-istazzjon tan-nazzjon qatt mhu kritiku.", "Donnu li neħduha benfatt din, li l-istazzjon tan-nazzjon xogħlu huwa li jirrapporta u mhux li jinvestiga.", "Fis-sitwazzjoni perenni li l-istazzjon tan-nazzjon jinsab fiha, qajla nistgħu nistħajlu kif l-affarijiet jistgħu jkunu mod ieħor.", "Mur ara x'jiġri kieku nħallu lill-ġurnalisti ta' TVM ikunu ġurnalisti.", "Għax irridu niftakru li r-relazzjoni bejnna u n-nazzjon mhijiex li t-tieni jappartjeni lil tal-ewwel, imma tal-ewwel lil tat-tieni: aħna suġġetti tan-nazzjon minflok ma n-nazzjon huwa l-formazzjoni taċ-ċittadini tiegħu.", "Irridu niftakru wkoll li tradizzjonalment dan in-nazzjoni skoraġġixxa l-ħsieb ħieles.", "(U hawn m'iniex nitkellem fuq l-espressjoni ħielsa għad, imma l-ħsieb ħieles.)", "Trawwimna li għandna naċċettaw; li aħna parti minn ġgajta mingħajr identità li titmexxa daqqa biċ-ċinga u daqqa bir-remote.", "Il-mistoqsija ma tibqax oħt il-għerf imma ssir sindromu suspettuż li ta' min 'jieħu ħsiebu' u li 'hemm bżonn noqogħdulu attenti'.", "L-istazzjon televiżiv tan-nazzjon għandu żewġ kanali: dak prinċipali u l-ieħor b'xi mod meqjus sekondarju li juri sport (le, m'iniex se nitkellem fuq il-ġurnaliżmu sportiv) u programmi oħrajn.", "Dan l-aħħar tħabbret deċiżjoni li minn Ottubru li ġej il-kanal prinċipali mhux se jibqa' jxandar aħbarijiet u programmi ta' diskussjoni u approfondiment tal-aħbarijiet.", "Meta wieħed iqis li dan huwa l-kanal prinċipali ta' dak li suppost huwa l-istazzjon prinċipali f'Malta, id-deċiżjoni tidher waħda stramba jekk mhux eċċentrika ħafna.", "F'dan is-sens, TVM se jsir jixbah lil xejk tv , li wkoll ma jxandarx aħbarijiet u diskussjonijiet dwarhom.", "Il-biża' tiegħi hu li wieħed mill-effetti ta' din id-deċiżjoni se jkun li la darba l-istazzjon ewlieni ma jibqax ixandar aħbarijiet u diskussjoni, biex minflok isir \" iktar iffukat fuq programmi ta' divertiment li jolqtu lill-familja kollha\" il-poplu se jkollu okkażjoni oħra biex ikompli jibla' l-loppju, jimmansa aktar milli hu, u jsir aktar disfunzjonali.", "Imqar jekk għal mument naħsbu li l-kanal il-ġdid se jibda jagħti lok għal ħafna ħsieb ħieles, dawn il-programmi se jkunu relegati għal kanal sekondarju għax, tradizzjonalment, hawnhekk il-ħsieb dejjem irrelegajnieh fit-tieni klassifika.", "B'ebda mod m'jien ngħid li mhuwiex f'loku li jkollna (fl-aħħar) kanal li jxandar il-kultura (ħalli naraw 'il quddiem x'se nkunu qegħdin nifhmu b'kultura) u d-diskussjoni (ħa naraw kemm se tkun ħielsa u kritika); imma l-messaġġ subliminali se jkun li dawn huma suġġetti tat-tieni klassifika u li l-importanti huwa l-famuż \"divertiment għall-familja kollha\" (u għandna biżżejjed esperjenza x'tip ta' divertiment huwa dan fil-verżjoni Maltija).", "Relatat ma' dan kollu huwa r-rapport li ħarġet illum it- Times li fih statistika u revelazzjonijiet inkwentanti.", "Ir-rapport jelenka numru ta' deċiżjonijiet li l-Awtorità tax-Xandir kellha tieħu kontra l-istazzjon tal-Istat, uħud minnhom konnessi ma' imparzjalità.", "Iżda aktar inkwetanti minn dan huwa dak li qalu erba' ġurnalisti tal-PBS (li esiġew li jibqgħu anonimi minħabba l-periklu ta' riperkussjonijiet li jistgħu jbatu) li mhumiex jitħallew jesegwixxu xogħolhom fil-libertà u li qegħdin jiġu skoraġġiti milli jinvestigaw stejjer li jistgħu jimbarazzaw lill-gvern.", "F'sitwazzjoni bħal din - u naħseb li hija sitwazzjoni serja u prekarja ħafna - jidhirli li dawk l-għaqdiet li b'xi mod jinsistu dwar il-libertà tal-ħsieb, tal-kelma u tax-xandir, għandhom jieħdu xi tip ta' azzjoni.", "L-Istitut tal-Ġurnalist Maltin, pereżempju, ma jistax jibqa' sieket meta membri tiegħu stess qegħdin pubblikament (anki jekk b'mod anonimu) jistqarru li mhumiex jitħallew jagħmlu xogħolhom.", "Din l-istqarrija qiegħda twiegħed li tiddefendi lil dawn il-ġurnalisti li tkellmu mat- Times .", "Il-gwaj ma jmissx biss lill-ġurnalisti imma lin-nazzjon kollu kemm hu: nazzjon bla mħuħ huwa nazzjon sterili.", "Nazzjon b'saħħtu jeħtieġ ħafna ilsna, mhux biex jilagħqu imma biex iniggżu u ma jiqfux itaqtqu fejn hemm bżonn."]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/edward-zammit-lewis-ma-fadallux-skuzi/", "date": "Mon, 2nd Aug '21, 14:22", "category": "blog, politics, government", "text": ["Edward Zammit Lewis illum attenda laqgħa tal-Kabinett qiesu mhux hu.", "U meta jiġġustifika dan l-aġir, il-gvern ikun qed juri li m'għandu ebda intenzjoni li jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-Inkjesta Daphne.", "Edward Zammit Lewis jammetti li kien \"ħabib\" ta' Yorgen Fenech.", "Jammetti li ma' Yorgen Fenech ta' sikwit tkellem dwar l-isforzi tiegħu u tal-partit tiegħu biex iżommu lill-istituzzjonijiet milli jinvestigaw lil 17 Black.", "L-Imħallfin tal-Inkjesta tkellmu ċar u tond u bla tlaqlieq dwar u dwar ir-rwol tiegħu.", "Dawn stqarrew li: \"Il-kriminalita' organizzata tfittex li taġixxi b'mod sigur għax tkun koperta minn velu ta' impunita', riżultat ta' ħbiberiji, familjarita' jew komunjoni ta' interess ma' persuni f'awtorita' li jistgħu jassigurawlha protezzjoni mill-investigazzjoni u prosekuzzjoni għall-aġir kriminuż tagħha\".", "L-Imħallfin imbagħad semmew b'isimhom numru ta' persuni biex kulħadd jifhem sewwa dak li kellhom f'moħħhom.", "Bdew bl-ismijiet ta' persuni impjegati fis-servizz ċivili (Joe Bannister, Johann Buttigieg, Heathcliff Farrugia, Joseph Cuschieri, Lawrence Cutajar u Silvio Valletta).", "U mbagħad għamlu riferenza għal \"allegazzjonijiet simili li saru dwar politiċi bħal Joseph Muscat, Edward Zammit Lewis, Adrian Delia u Pierre Portelli\".", "Segwu l-kummenti li ta dalgħodu Edward Zammit Lewis lil Jacob Borg u erġgħu aqraw il-kwotazzjoni mir-rapport stampata aktar 'il fuq.", "Huwa jikkonferma l-\"ħbiberija\".", "U ma jistax jiċħad l-informazzjoni li huwa kien għadda lil Yorgen Fenech dwar l-isforzi tiegħu biex jara li Yorgen Fenech jingħata l-kenn u l-protezzjoni li jkun jeħtieġ biex ma jiġix investigat minħabba l-għemil kriminali tiegħu.", "L-Imħallfin tal-Inkjesta ddeċidew ukoll li l-Kabinett tal-Ministri kien responsabbli talli dawn ma ħadu ebda azzjoni fiż-żmien meta feġġew l-iskandli tal-Panama Papers u ta' 17 Black.", "L-Imħallfin stqarrew li dawn kellhom jaġixxu.", "Li jfisser li għall-Imħallfin tal-Inkjesta l-iskuża tal-lealtà lejn il-partit jew tal-kolleġjalità governattiva m'hix aċċettabbli.", "L-uffiċjali pubbliċi u l-politiċi għandhom obbligu morali li jħarsu l-liġijiet u li jgħidu l-verità anki meta jkunu kollegi fil-partit li jxerrdu l-gideb.", "Bħallikieku tassew emmen dak li kien qed igħid, lil Jacob Borg dalgħodu Edward Zammit Lewis qallu li kien qed isegwi d-direttivi tal-partit tiegħu.", "Skuża li l-Imħallfin tal-Inkjesta stqarrew li m'hix aċċettabbli għaliex kienet skuża bħal din li wasslet għall-impunità li spiċċat biex qatlet lil Daphne Caruana Galizia.", "L-Oppożizzjoni għadha kemm ippreżentat mozzjoni parlamentari ta' sfiduċja f'Edward Zammit Lewis.", "Issa m'għadx hemm skużi.", "Il-konklużjonijiet tal-inkjesta issa nafuhom u dawk il-Ministri li kienu vvutaw favur Konrad Mizzi ser jiġu mitluba biex ma jagħmlux l-istess żball.", "Previous: Il-qofol kollu m'huwiex dwar min tabilħaqq huwa \"ġaħan\" .fusion-body .fusion-builder-column-0{width:50% !important;margin-top : 0px;margin-bottom : 0px;}.fusion-builder-column-0 > .fusion-column-wrapper {padding-top : 10px !important;padding-right : 10px !important;margin-right : 0;padding-bottom : 10px !important;padding-left : 10px !important;margin-left : 0px;}@media only screen and (max-width:1024px) {.fusion-body .fusion-builder-column-0{width:50% !important;}.fusion-builder-column-0 > .fusion-column-wrapper {margin-right : 0;margin-left : 0px;}}@media only screen and (max-width:640px) {.fusion-body .fusion-builder-column-0{width:100% !important;}.fusion-builder-column-0 > .fusion-column-wrapper {margin-right : 0px;margin-left : 0px;}} Next: Ian Abdilla sospiż u ser ikun is-suġġett ta' investigazzjoni dixxiplinarja .fusion-body .fusion-builder-column-1{width:50% !important;margin-top : 0px;margin-bottom : 0px;}.fusion-builder-column-1 > .fusion-column-wrapper {padding-top : 10px !important;padding-right : 10px !important;margin-right : 0px;padding-bottom : 10px !important;padding-left : 10px !important;margin-left : 0;}@media only screen and (max-width:1024px) {.fusion-body .fusion-builder-column-1{width:50% !important;}.fusion-builder-column-1 > .fusion-column-wrapper {margin-right : 0px;margin-left : 0;}}@media only screen and (max-width:640px) {.fusion-body .fusion-builder-column-1{width:100% !important;}.fusion-builder-column-1 > .fusion-column-wrapper {margin-right : 0px;margin-left : 0px;}} .fusion-body .fusion-flex-container.fusion-builder-row-1{ padding-top : 0px;margin-top : 0;padding-right : 0px;padding-bottom : 0px;margin-bottom : 0;padding-left : 0px;}"]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/ian-abdilla-sospiz-u-ser-ikun-is-suggett-ta-investigazzjoni-dixxiplinarja/", "date": "Tue, 3rd Aug '21, 10:39", "category": "blog, politics, government", "text": ["Għadni kemm sirt naf li dak li sa ftit ilu kien imexxi l- Economic Crimes Unit tal-korp tal-Pulizija, Ian Abdilla, ġie sospiż mill-korp u ser jiġi investigat taħt ir-regolamenti ta' dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.", "F'Ġunju tas-sena l-oħra, ftit wara li l-Kummissarju preżenti Anġlu Gafà ngħata l-ħatra, Ian Abdilla kien tneħħa mill- Economic Crimes Unit u ġie trasferit lejn dipartiment li jieħu ħsieb xogħol amministrattiv intern.", "Meta dalgħodu staqsejt lill-Pulizija dwar jekk Ian Abdilla kienx ġie sospiż, dawn ikkonfermaw miegħi li \"l-Pulizija ta' Malta issospendiet uffiċjal tal-Pulizija taħt ir-regolamenti ta' dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u dan ser jibqa' sospiż sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet.\"", "Iżda kienu l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia li wasslu għal din is-sospensjoni u għat-tnedija tal-proċeduri li jistgħu jwasslu għat-tkeċċija tiegħu mill-korp.", "F'Marzu 2020 l-Imħallfin tal-inkjesta kienu xxukkjaw ruħħom huma u jisimgħu lil Ian Abdilla jammetti li fl-2017 kien iltaqa' ma' Keith Schembri f'Kastilja sabiex miegħu jiddiskuti rapporti tal- Financial Intelligence Agency li kienu waslu għal konklużjoni li jeżistu suspetti li Keith Schembri kien imdaħħal fil-kriminalità.", "Abdilla kien ammetta li Keith Schembri kien bgħat għalih u li hu kien tah parir sabiex ifittex parir legali biex ikun jista' jirribatti r-rapporti dwar l-eżistenza ta' korruzzjoni u ta' ħasil ta' flejjes maħmuġin.", "Fl-istess waqt, il-Pulizija kienet ċaħdet rapporti fl-istampa fis-sens li Keith Schembri kien taħt suspett dwar twettiq ta' reati kriminali u ddikjarat li ma teżisti ebda bażi biex issir investigazzjoni.", "Fir-rapport tagħhom, l-Imħallfin tal-inkjesta rrimarkaw li Ian Abdilla baqa' ma ħa ebda passi kontra tan- Nexia BT u dan minħabba parir li ngħata mill-Avukat Ġenerali li kien tal-fehma li kieku l-Pulizija kellha tissekwestra files u servers biex tkun tista' tinvestiga l-kriminalità, kienet tkun intrusiva żżejjed.", "L-Imħallfin irriżultalhom ukoll li minn Frar 2017 'il quddiem Ian Abdilla kien refa' f'kexxun il-provi u l-evidenza li kienu għaddewlu l-pulizija ta' taħtu.", "Fi Frar 2020, dawn xehdu fil-qorti u qalu li minkejja l-parir li kienu tawh biex jibda' proċeduri kriminali bil-qorti, Ian Abdilla baqa' ma ċċaqlaqx.", "Sa dakinhar f'Marzu 2020 li Ian Abdilla xehed quddiem l-Imħallfin tal-inkjesta, l-Pulizija kienet għadha ma nterrogat lil ħadd dwar il- Panama Papers minkejja l-fatt li dan l-iskandlu kien inkixef minn Daphne Caruana Galizia għall-ewwel darba sa minn Frar 2016.", "Lill-Imħallfin irriżultalhom li din in-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet ħolqot atmosfera ta' impunità li wasslet għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.", "Il-konklużjoni li l-Istat Malti hu responsabbli għall-qtil ta' ġurnalista hi msejjsa fuq dan il-fatt.", "Dalgħodu Repubblika xandret kitba b'rabta ma' Ian Abdilla bħala parti minn sensiela ta' kitbiet li jsejjħu lill-Pulizija biex tieħu passi kontra persuni li għandhom is-setgħa li sal-lum għadhom igawdu l-impunità."]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/edward-zammit-lewis-qed-jippretendi-li-jghaddiha-lixxa-wkoll/", "date": "Tue, 3rd Aug '21, 13:11", "category": "blog, politics, government", "text": ["Bejniethom għadda mal-1000 messaġġ wara li Yorgen Fenech inkixef li hu s-sid tas-17 Black.", "Flimkien ma' Robert Abela kien indirizza konferenza stampa biex jiddieħak bl-isforzi li kien qed jagħmel Simon Busuttil fil-qorti biex iġiegħel lill-Pulizija tinvestiga l-iskandlu 17 Black.", "U ftit wara, kkomunika ma' Yorgen Fenech biex jirrakkontalu dwar dak li kien għamel.", "Dawn kienu ħobża u sikkina mal-kriminalità, mal-flus u mas-setgħa: fatt li l-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kkonkludew li kien il-kawża tal-ħolqien tal-impunità li wassal biex inqatlet Daphne Caruana Galizia.", "Kienu appuntu dawn il-\"ħbiberiji\" li taw lill-qattiela ta' Daphne x'jifhmu li kienu ser igħadduha lixxa.", "U issa, Edward Zammit Lewis qed jippretendi li jgħaddiha lixxa wkoll.", "Jeħtieġ nagħmlu sforz biex inġiegħluh iwarrab.", "Ingħaqad magħna barra l-uffiċċju tiegħu fi Pjazza Indipendenza l-Belt Valletta llum fis-19:30.", "Jew inkella ibqa' d-dar u kompli ħallsilhom is-salarju biex jibqgħu jisirquk u jibqgħu jgħattu lil dawk li jaslu biex joqtlu biex tindifen il-verità.", "Previous: Ian Abdilla sospiż u ser ikun is-suġġett ta' investigazzjoni dixxiplinarja .fusion-body .fusion-builder-column-0{width:50% !important;margin-top : 0px;margin-bottom : 0px;}.fusion-builder-column-0 > .fusion-column-wrapper {padding-top : 10px !important;padding-right : 10px !important;margin-right : 0;padding-bottom : 10px !important;padding-left : 10px !important;margin-left : 0px;}@media only screen and (max-width:1024px) {.fusion-body .fusion-builder-column-0{width:50% !important;}.fusion-builder-column-0 > .fusion-column-wrapper {margin-right : 0;margin-left : 0px;}}@media only screen and (max-width:640px) {.fusion-body .fusion-builder-column-0{width:100% !important;}.fusion-builder-column-0 > .fusion-column-wrapper {margin-right : 0px;margin-left : 0px;}} Next: Ir-raġuni ewlenija għala għandu jwarrab Edward Zammit Lewis .fusion-body .fusion-builder-column-1{width:50% !important;margin-top : 0px;margin-bottom : 0px;}.fusion-builder-column-1 > .fusion-column-wrapper {padding-top : 10px !important;padding-right : 10px !important;margin-right : 0px;padding-bottom : 10px !important;padding-left : 10px !important;margin-left : 0;}@media only screen and (max-width:1024px) {.fusion-body .fusion-builder-column-1{width:50% !important;}.fusion-builder-column-1 > .fusion-column-wrapper {margin-right : 0px;margin-left : 0;}}@media only screen and (max-width:640px) {.fusion-body .fusion-builder-column-1{width:100% !important;}.fusion-builder-column-1 > .fusion-column-wrapper {margin-right : 0px;margin-left : 0px;}} .fusion-body .fusion-flex-container.fusion-builder-row-1{ padding-top : 0px;margin-top : 0;padding-right : 0px;padding-bottom : 0px;margin-bottom : 0;padding-left : 0px;}"]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/ir-raguni-ewlenija-ghala-ghandu-jwarrab-edward-zammit-lewis/", "date": "Wed, 4th Aug '21, 10:43", "category": "blog, politics, government", "text": ["Ir-raġuni ewlenija l-għala Edward Zammit Lewis għandu jwarrab m'hix għaliex dan offenda lill-votanti u partitarji tiegħu stess bi kliem dispreġġjattiv meta għajjarhom \"ġaħan\".", "Dawn għandhom raġun jieħdu għalihom u x'aktarx li din it-tgħajjira ser jibqgħu jiftakruha dakinhar li jmorru jivvutaw fl-elezzjoni li ġejja.", "Meta semma' l-kelma \"ġaħan\", Edward Zammit Lewis kien f'nofs konversazzjoni ma' bniedem li għalih kien u għadu \"ħabib\" – Yorgen Fenech.", "Dak iż-żmien jista' jkun li ma kienx għadu ssuspetta li l-\"ħabib\" tiegħu kien qatel ġurnalista.", "Iżda jibqa' l-fatt li xorta waħda ma nafx kif seta' jkompli jiddefendi pubblikament il-ħbiberija tiegħu ma' Yorgen Fenech mingħajr ma' juri sogħba li l-\"ħabib\" tiegħu huwa taħt suspett raġjonevoli li qatel ġurnalista.", "Iżda anki jekk hemm dubju dwar dan, Edward Zammit Lewis ma setgħax jinjora s-suspett li kellu kważi kulħadd f'moħħu li s-sid ta' 17 Black – bniedem li Edward Zammit Lewis kien jaf daqs ħaddieħor li hu Yorgen Fenech – kien bniedem li jxaħħam lill-politiċi.", "Dan ma jistax ħlief ifisser li jew Edward Zammit Lewis innifsu kien qed jixxaħħam minn Yorgen Fenech (u b'riħet dan ikollu jwarrab u jiġi mħarrek fil-qorti kriminalment) jew inkella xejn ma ddardar li jkun \"ħabib\" ta' negozjant li kien ixaħħam lill-kollegi tiegħu (u b'riħet dan ikollu jwarrab u jfittex li jingħata l-għajnuna medika).", "Dawn huma kollha raġunijiet il-għala għandu jwarrab jew inkella jitkeċċa.", "Iżda dawn m'humiex ir-raġunijiet ewlenin.", "Ir-raġuni ewlenija li dwarha Edward Zammit Lewis għandu jwarrab jew jitkeċċa hi li fil-Parlament Edward Zammit Lewis kien ipprova jxekkel il-proċess li kellu jwassal biex tinkixef il-verità dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.", "Il-verità dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kienet qed timmina l-interessi tal-\"ħabib\" tiegħu Yorgen Fenech.", "U issa l-verità dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia ġiet stabilita minn Imħallfin ta' inkjesta indipendenti li ddikjaraw li l-provi li semgħu u l-evidenza li raw b'għajnejhom kienet biżżejjed biex setgħu jikkonkludu li Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet minħabba l-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel dwar l-iskandlu Electrogas, liema investigazzjonijiet kienu qed jimminaw l-interessi ta' dawk li riedu jaraw il-proġett varat.", "U dawn kienu grupp ġmielu ta' persuni.", "U kien il-\"ħabib\" tiegħu Yorgen Fenech li allegatament xaħħam ministri biex akkwista l-kuntratt u li allegatament qatel ġurnalista f'attentat biex jgħatti xturu.", "Huwa tassew fatt ironiku li kellu jkun il-Ministru tal-Ġustizzja li għandna illum li kien ġab ruħu b'dan il-mod.", "Fil-Parlament dan kien saħansitra tkellem kontra li ssir inkjesta indipendenti biex il-pajjiż isir jaf jekk l-Istat kellux sehem jew le fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.", "Dak iż-żmien kien għadu ma leħaqx Ministru tal-Ġustizzja.", "Kien biss membru parlamentari li, minflok tkellem biex iġib 'il quddiem l-interessi tal-poplu li jirrappreżenta u mhux l-interessi personali tiegħu, tkellem biex iġib 'il quddiem l-interessi tal-ħbieb mhux dikjarati tiegħu.", "Agħatu daqqa t'għajn lejn dan il-filmat li nġibed f'Diċembru 2018.", "Din hi r-raġuni ewlenija l-għala Edward Zammit Lewis għandu jwarrab – mhux biss mill-Kabinett iżda anki mill-Parlament.", "Membri parlamentari li jippruvaw ixekklu l-ġustizzja meta din tkun qed timmira fuq il-ħbieb tagħhom m'hemmx posthom fil-ħajja pubblika.", "Ċertament m'hemmx posthom f'pajjiż demokratiku li jagħti x'jifhmu lill-qattiela ta' ġurnalisti li jistgħu joqtlu kemm iridu b'impunità sħiħa.", "Din m'hix id-demokrazija li tixirqilna.", "U dan qed niktbu ukoll f'isem il-votanti ġaħan li Edward Zammit Lewis tant jistmerr – u wkoll f'isem dawk il-votanti ġaħan li sal-lum għadhom japoġġjawh."]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/il-flus-huma-s-sahha-taghna/", "date": "Tue, 10th Aug '21, 09:43", "category": "blog, politics, government", "text": ["Il-bieraħ fil-qorti Melvyn Theuma xehed li Yorgen Fenech kien stqarr li \"l-flus huma s-saħħa tagħna\" dakinhar li Theuma ssuġġerielu li seta' jwaqqaf il-ħlasijiet ta' eluf ta' ewro li l-aħwa Degiorgio – li issa kienu arrestati fil-ħabs – kienu qed jerdgħu minn fuq dahru.", "Kienu kliem tipiċi ta' kap tal-mafja.", "'Il-flus huma s-saħħa tagħna' Ma kienu xejn ħlief kliem li jirriflettu l-mentalità ta' Yorgen Fenech, wieħed mill-kapijiet tal-mafja lokali.", "Skont Melvyn Theuma, dawn il-kliem kien lissinhom Yorgen Fenech stess u ma jirriżultawx minn xi recording.", "Għalkemm Yorgen Fenech x'aktarx m'huwiex ser ikun xhud fil-ġuri tiegħu, huwa mistenni li ser jiċħad li kien lissen dawn il-kliem jew li kien għamel dak li Melvyn Theuma xehed li kien għamel hu u jlissinhom.", "Ix-xhieda ta' Melvyn Theuma tinsab korroborata minn sensiela ta' fatti.", "Waħda minn dawn il-fatti hi r-riċevuti li Melvyn Theuma kien wera' lill-Pulizija, liema riċevuti kienu nkitbu minn Mario Degiorgio f'isem ħutu.", "Tgħid din tammonta għal forensika aċċettabbli?", "Jista' jkun li le.", "Iżda hemm fatt wieħed li ħadd ma jista' jiċħdu: xi ħadd kien qed iħallas il-kontijiet għoljin tal-avukat tal-aħwa Degiorgio kif ukoll id-drittijiet tal-esperti tekniċi għar-rapporti li dawn fasslu u li dwarhom jien kont ktibt ukoll.", "Yorgen Fenech igawdi l-appoġġ.", "Ma niskanta xejn b'dan.", "Totò Riina ukoll kellu l-appoġġ u qabel ġie arrestat, kien ilu snin twal jgħix f'moħba.", "Yorgen Fenech kien fil-quċċata ta' piramida ta' ġid li minnha kienu jgawdu mijiet ta' persuni li kienu jagħmlu minn kollox biex jikkuntentawh.", "Dawn għadhom sal-lum jaqilgħu l-għajxien tagħhom minn fuq dahru.", "Dakinhar li erba' attivisti ta' Repubblika saqu għal quddiem il-bieb prinċipali tal-Lukanda Hilton biex jipprotestaw kontra n-namrar inaċċettabbli li kien hemm bejn Yorgen Fenech u Edward Zammit Lewis, tfaċċaw numru ta' manigoldi u għamlu xenata sħiħa talli dawn l-attivisti ażżardaw jersqu qrib il-maqdes tal-eroj tagħhom.", "Waħda mara li, mid-dehra, tridha ta' xi eroj għamlet plejtu sħiħ quddiem dawn l-erba' attivisti talli – skont hi – dawn taw fastidju lil omm Yorgen Fenech.", "U Simon Mercieca għamel ħafna għaġeb dwar l-attivisti u kiteb li bl-imġieba tagħhom dawn heddew il-ħobż tal-ħaddiema bieżlin tal-Lukanda Hilton.", "U proprju hemm, fil-maqdes li hi Lukanda Hilton fejn Yorgen Fenech huwa meqjus bħala eroj u ommu kunsidrata bħallikieku kienet id-Duluri, tidwi l-għajta li ttarrax: \"il-flus huma s-saħħa tagħna\".", "Il-manigoldi tal-kanċell tal-Hilton u dawk li jmexxuhom, dik il-mara li għamlet plejtu, dak il-lagħqi Simon Mercieca u saħansitra anki omm Yorgen Fenech – dawn m'huma qatt ser jiġbdu konklużjonijiet loġiċi mill-fatt li Yorgen Fenech, meta kien għadu jiġri barra, kien qed iħallas l-avukat tal-aħwa Degiorgio – l-persuni li kienu ntbagħtu l-ħabs sakemm igħaddu ġuri mixlijin bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.", "Lil dawn lanqas biss igħaddilhom minn moħħhom x'tassew ifisser dan kollu.", "Għaliex dawn jinsabu maħkumin mis-saħħa li għandu Yorgen Fenech kif ukoll minn flusu.", "Il-familja Fenech għadha sal-lum is-sid tal-Hilton.", "U għadhom sal-lum sħab mas-Siemens fl-Electrogas.", "Għadhom sal-lum jaqilgħu l-mijiet tal-eluf mill-casinò tagħhom minkejja r-rabtiet li nkixfu mal-kriminalità organizzata.", "Flus li ġew u għadhom qed jiġu ġenerati minn dawn in-negozji għaddew minn id Yorgen Fenech għal għand l-assassini u l-avukati tagħhom.", "U issa dawn il-flejjes maħmuġin qed jintefqu biex issir difiża lir-reputazzjoni tiegħu fil-qorti u barra mill-għatba tagħha.", "M'għandniex xi ngħidu, kulħadd għandu dritt li fil-qorti jkollu difiża xierqa.", "Jekk Yorgen Fenech m'għandux flus nodfa biex ikun jista' jħallas lill-avukati, l-Istat għandu jipprovdilu avukat.", "Iżda, bħal fiż-żmien meta kien għadu jiġri barra, Yorgen Fenech jaf li l-flus huma s-saħħa tiegħu.", "U li l-flus maħmuġin huma s-saħħa maħmuġa li għandu."]} {"url": "https://manueldelia.com/mt/2021/08/xiri-ta-voti-nofs-kedda/", "date": "Wed, 11th Aug '21, 16:43", "category": "blog, politics, government", "text": ["Il-bieraħ ktibt dwar id-drawwa li bdew xi Ministri li bis-saħħa tagħha qed jonfqu flejjes pubbliċi fil-kostitwenzi tagħhom sabiex huma jieħdu palata għall-elezzjoni tagħhom fil-Parlament.", "Semmejt lil Alex Muscat li ħataf kważi miljun ewro mill-flus maħtufin mill-bejgħ tal-passaporti biex tinxtegħel il-knisja ewlenija tal-Mosta, lokalità li tifforma parti mill-konstitwenza tiegħu.", "Illum ħabbrilna \"proġett\" ieħor: dik li sejjħilha bħala \"għalqa abbandunata\" fil-Mosta ser jibdilha f'park pubbliku.", "Agħtu daqqa t'għajn lejn din il-kitba tiegħu fil- Facebook bħallikieku qed jistenna' li jiġi beatifikat u mtella' s-sema.", "Taf x'inhi l-ironija?", "Din l-għalqa kienet tal-Knisja u kienet għaddiet f'idejn il-gvern bis-saħħa tal-ftehim bejn l-Istat u l-Knisja biex tkun tista' tiġi wżata mill-pubbliku.", "Dan l-imbierek ġab ruħu bħal dak il-ħalliel li jbiegħlek lil ommu biex imbagħad jisraqha mingħandek biex ikun jista' ibiegħha lil ħaddieħor.", "Kellu mgħallem mustaċċun.", "Qabel sar segretarju parlamentari kien jaħdem bħala l-assistent ta' Keith Schembri.", "Aħna u nidħaddtu dwar ministri li jbiegħulek dak li diġà hu tiegħek, il-lejla l-Ministru tal-Infrastruttura Ian Borg ser jinawgura xogħlijiet li saru fiz-zuntier tal-knisja tar-Rabat.", "Ippermettuli niċċara dak li rrid ngħid.", "Ir-Rabat, li jifforma parti mill-kostitwenza tal-Ministru, issa ser ikollu rħama li fuq hemm imnaqqax ismu, l-isem tal-arċipriet u l-ismijiet taċ-ċorma ħallelin li jaħdmu taħt il-kappa ta' Ian Borg.", "Fost dawk imsemmijin fil-litanija hemm l-isem ta' San Sandro Craus, dak li kien tgħabba bir-responsabbiltà li jdaħħal lil Melvyn Theuma – wieħed mill-qattiela ta' Daphne Caruaan Galizia – bħala impjegat mal-gvern biex jagħmel xogħol fantażma u jitħallas talli ma jagħmel xejn.", "Jaqaw din xi promozzjoni għal San Sandro?", "Minn impjiegi fantażma għal taparsi restawr fil-lokalità tiegħu?", "M'għandkomx b'xiex timpressjonaw irwieħkom.", "Agħtu daqqa t'għajn lejn dawn ir-ritratti li nġibdu llum fuq iz-zuntier tal-knisja ftit siegħat qabel l-inawgurazzjoni li ser issir b'tant pompa u xinxilli.", "Dawn mhux biss għandhom il-wiċċ sfiq li jitolbu l-grazzi talli jagħmlu xogħolhom.", "Il-grazzi Ian Borg jitlobha wkoll għal xogħol li ma jkunx għamel."]}